17-il każ ġdid ta' coronavirus f'24 siegħa; 'Ma miet l-ebda pazjent'

B'kollox Malta sa issa kellha 90 każ ta' Covid-19; 27 jinsabu Mater Dei jew l-isptar Saint Thomas filwaqt li l-bqija jinsabu rikoverati fid-dar tagħhom stess

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza li għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, qal li fl-aħħar 24 siegħa Malta kellha 17-il każ ġdid ta' coronavirus filwaqt li insista li mhuwiex minnu li miet pazjent, kif kien qed jingħad fuq il-midja soċjali. 

Dan ifisser li f'Malta, sa issa, kien hawn 90 każ pożittiv ta' coronavirus. Numru kbir ta' pazjenti jinsabu f'qagħda tajba u qed jirkupraw filwaqt li l-anzjan ta' 61 sena għadu rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda anke l-kundizzjoni tiegħu hija waħda stabbli. 

Fl-Isptar, bejn Mater Dei u l-Isptar Saint Thomas hemm 27 pazjent filwaqt li l-kumplament jinsabu rikoverati fid-dar tagħhom, f'iżolament u taħt kwarantina. Dan jikkonferma kemm il-qagħda ta' dawn il-pazjenti hija stabbli. 

Sa issa kienu żewġ pazjenti li fiequ anke jekk waqt il-konferenza ntqal li diversi pazjenti ma għadhomx bid-deni u għalhekk fil-ġranet li ġejjin se jkun qed isirilhom it-test biex ikun stabbilit jekk dawn fiqux kompletament mill-Covid-19.

Il-biċċa l-kbira tal-każi għadhom relatati mas-safar

Minn dawn is-17-il każ, għaxra minnhom kienu relatati ma' safar barra minn Malta:

  • Żewġ persuni, tfajla ta' 18-il sena u raġel ta' 73 sena li marru l-Ingilterra
  • Żewġ persuni, raġel Żvediż li jgħix Malta ta' 50 u Malti ta' 22 sena li siefru l-Italja ta' fuq
  • Tifel Ungeriż li jgħix Malta u li missieru kien mar l-Ungerija u kellu sintomi
  • Fillandiż ta' 24 sena li mar Vjenna
  • Malti ta' 51 sena li ġie mill-Marokk
  • Tfajla ta' 26 li hija relatata ma' pazjenta li kienet irriżultat pożittiv wara li marret il-Belġju
  • Tfajla ta' 64 sena li kellha kuntatt ma' raġel ieħor li rriżulta pożittiv u li kien mar il-Ġermanja
  • Mara ta' 55 sena li ma sifritx iżda s-sieħeb tagħha jkollu kuntatt frekwenti ma' turisti

Seba' każijiet mhumiex relatati ma' safar; Suspett ta' trasmissjoni lokali

  • Ħaddiem tas-saħħa li jaħdem Mater Dei ta' 27 sena
  • Indjan li jaħdem Malta ta' 42 sena
  • Maltija ta' 33 sena
  • Maltija ta' 52 sena
  • Maltija ta' 60 sena
  • Anzjan ta' 74 sena
  • Somalu li jgħix Malta ta' 28 sena u li ddaħħal Mater Dei; Il-kundizzjoni tiegħu hija tajba

Il-maġġoranza tal-każi minn dawn id-90 każ huma relatati ma' safar, iżda qed jiżdiedu wkoll it-trasmissjoni lokali. Għalhekk l-appell ta' Gauci huwa li kemm jista' jkun ma jsirx ħruġ għalxejn u l-kuntatt ikun limitat biss għall-persuni li jgħixu flimkien fid-djar.

"Aktar ma tkun f'kuntatt ma' persuni oħra aktar hemm ċans ta' trasmissjoni lokali ... anke meta jkollok sintomi ħfief jista' jkun hemm riskju ta' trasmissjoni," insistiet Gauci, waqt li fakkret li l-anzjani u anke persuni li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi huma aktar f'riskju li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet.

Aqra wkoll dwar il-miżuri li ħabbar Chris Fearne waqt l-istess konferenza biex il-ħwienet kollha ta' servizzi mhux essenzjali jinżammu magħluqa minn għada.

More in Politika