11-il każ ġdid ta' Coronavirus; L-ewwel każ minn Għawdex u anzjan jiżviluppa kumplikazzjonijiet

Dan ifisser li t-total tal-każi f'Malta issa jlaħħaq l-64 każ

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li fl-aħħar 24 siegħa, 11-il persuna rriżultaw pożittiv għall-Covid-19, biex hekk it-total tal-każi issa tela' għal 64 każ.

Fost dawn, skont Gauci, hemm każ ta' anzjan li għandu 61 sena, u li huwa l-ewwel każ li dwaru l-awtoritajiet tas-saħħa saħqu li żviluppaw kumplikazzjonijiet. Fil-fatt, kawża tal-virus, l-anzjan żviluppa infezzjoni qawwija fiż-żewġ pulmuni.

Madanakollu ma jinsabx f'qagħda kritika, tant li mhuwiex fl-ITU.

Apparti minn hekk, żviluppa wkoll l-ewwel każ f'Għawdex, bil-pazjent x'aktarx ġie infettat meta kien f'kuntatt ma' ħafna nies.

Kien għalhekk li llum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika bdiet b'messaġġ qawwi u b'saħħtu biex in-nies, kemm jista' jkun jibqgħu d-dar u ma joħorġux jekk mhux għal affarijiet neċessarji u dan wara li lbieraħ, festa pubblika, kienu diversi dawk li injoraw l-appelli u ħarġu bil-familja tagħhom.

"Rajna li kien hemm nies li xorta baqgħu joħorġu. Irridu nifhmu li r-responsabbilità hija ta' kull individwu. Issa nafu li għandna trasmissjoni lokali ... huwa faċli li persuna teħodha minn persuna oħra. Tkun qed tpoġġi lilek innifsek, lill-familja tiegħek u lin-nazzjon f'riskju," insistiet Gauci. "Irridu lil kulħadd jisma' mill-appelli biex innaqsu l-każi, ir-riskju ta' kumplikazzjonijiet u mwiet."

Gauci kompliet tisħaq li anke jekk 80% tal-każijiet ma jkollhomx bżonn sptar, hemm 20% tal-pazjenti li jkollhom bżonn kura fi sptar.

"Il-fatt huwa li barra minn Malta kien hemm imwiet u jista' jkollna mwiet anke f'Malta. Għalhekk nappella għall-kawtela, speċjalment fost l-anzjani. Nafu li anzjani ta' 'l fuq minn 80 sena hemm 25% ċans li dawn jiżviluppaw kumplikazzjonijiet li jistgħu jfissru mwiet ukoll," saħqet Gauci.

Appellat biex min ikollu l-iċken sintomu joqgħod ħafna aktar attent għax jista' jkun hu li jwaqqaf it-trasmissjoni lokali.  

Id-dettalji tal-każi:

Għawdxi ta' 69 sena

  • Raġel li fis-16 ta' Marzu beda bis-sintomi: Kellu d-deni u għejja
  • La siefer u lanqas kellu kuntatti ma' nies oħrajn infettati
  • Fl-10 ta' Marzu kellu laqgħa ma' ħafna nies; X'aktarx li ħa l-virus minn din il-laqgħa

Malti ta' 63 sena

  • Mar btala fit-8 ta' Marzu fit-tramuntana tal-Italja
  • Fl-14 ta' Marzu beda bis-sintomi ta' deni, uġigħ ta' ras u sogħla
  • Meta ħarġet l-ordni tal-kwarantina mandatorja mill-ewwel obda
  • Ma espona lill-ħadd għall-virus anke għax jgħix waħdu

Malti ta' 45 sena

  • Mar il-Brażil u għadda minn Instanbul
  • Wasal lura fis-17 ta' Marzu
  • Kien ma' persuna oħra u din sarulha t-testijiet għax żviluppat is-sintomi
  • Is-sintomi bdew kif ġie lura eżatt u għalhekk qed isir contact tracing man-nies fuq l-ajruplan

Ħaddiema tas-saħħa ta' 49 sena

  • Taħdem fil-privat
  • Fis-17 ta' Marzu kella għejja, deni u uġigħ fil-muskoli
  • Ma kinitx imsiefra u lanqas kellha ma' persuni bis-sintomi
  • Beda l-contact tracing mal-familja u n-nies li jaħdmu magħha
  • Każ ieħor ta' trasmissjoni lokali

Maltija ta' 71 sena

  • Is-sieħba ta' każ ieħor kkonfermat
  • Din il-persuna taħdem ukoll mat-turisti

Ħaddiema tas-saħħa ta' 36 sena

  • Bdiet bis-sintomi fl-14 ta' Marzu
  • X'aktarx kellha kuntatt ma' ħaddiem tas-saħħa ieħor li rriżulta pożittiv
  • Din kienet fi kwarantina
  • Qed ikun stabbilit ma min kellha kuntatt, inkluż pazjenti

Spanjol ta' 54 sena

  • Jgħix u jaħdem Malta
  • Mar Madrid bejn is-7 u s-17 ta' Marzu
  • Dakinhar stess beda bis-sontomi ta' uġigħ fil-griżmejn u deni
  • Kif ġie mar mill-ewwel fi kwarantina
  • L-uniku nies esposti huma n-nies li kienu miegħu fuq it-titjira

Indjan ta' 31 sena

  • Residenti u jaħdem Malta
  • Huwa relatat ma' grupp ta' persuni infettati (jaħdmu flimkien)
  • X'aktarx ittieħed minn fuq il-post tax-xogħol
  • Grupp ta' erba' persuni u tlieta minnhom jaħdmu flimkien
  • Beda bis-sintomi fil-15 ta' Marzu: Uġigħ fil-muskoli, griżmejn, deni u sogħla
  • Għalhekk qed isir l-appell għax-xogħol mid-dar fejn possibbli

Anzjan ta' 61 sena

  • Beda bis-sintomi fit-13 ta' Marzu
  • Ilbieraħ iddaħħal l-isptar għax is-sintomi baqgħu jiżdiedu
  • Għandu infezzjoni qawwija fiż-żewġ pulmuni, riżultat tal-virus
  • Mhuwiex f'qagħda kritika; Mhuwiex fl-ITU
  • Il-mara tiegħu wkoll riżultat pożittiva għall-Covid-19
  • Dawn iż-żewġ persuni jaħdmu flimkien u fuq il-post tax-xogħol kien hemm persuna li siefret

Mara ta' 30 sena

  • Omm it-tifel ta' tliet snin li rriżulta pożittiv fil-jiem li għaddew
  • Tinsab fi stat ta' saħħa tajba
  • Żvillupat is-sintomi fit-18 ta' Marzu: Uġigħ fil-griżmejn u nifs miżdud
  • B'kollox, f'dan il-grupp ta' persuni hemm tmien persuni infettati u kollox beda minn persuna li kienet siefret

More in Politika