Miżuri Covid-19 | 'Bil-miżuri offruti xorta ser ikun hemm tkeċċijiet mix-xogħol' - GWU

Passi tajbin imma mhux biżżejjed, tgħid il-GWU lill-Gvern

Il-GWU fi stqarrija sostniet illi l-Gvern għandu jkompli jniedi aktar miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jkompli jalleva t-tbatijiet fl-immedjat għal min iħaddem. Sostniet illi temmen ukoll li kull miżura għandha tkun dejjem marbuta maż-żamma tal-impjegati. 

"Fid-diskussjonijiet li qed ikollha l-GWU bħalissa ma’ diversi postijiet tax-xogħol, hija qed tkun infurmata li bil-miżuri offruti xorta ser ikun hemm tkeċċijiet mill-postijiet tax-xogħol."

"Fiċ-ċirkostanzi illi ħadd ma jaf kemm ser iddum din il-problema huwa ferm importanti illi l-istimolu ekonomiku għandu jkun wieħed sostenibbli u ma jwassalx lill-pajjiż għall-problemi finanzjarji fi żmien qasir li mbagħad iwasslu għar-riċessjoni qawwija bil-konsegwenzi kollha negattivi fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti tagħna," qalet il-GWU.

Il-GWU taqbel illi f’dan il-perjodu l-enfazi għandu jkun dak illi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ likwidità u dħul li qed jaffaċjaw il-kumpaniji bid-differiment fuq pagamenti ta’ taxxi dovuti minn dawn il-kumpaniji, b’miżuri ta’ garanziji Governattivi għal self mill-banek u għajnuna diretta għaż-żamma tal-impjiegi.

"Fl-istess ħin huma pożittivi l-miżuri mħabbra mill-Gvern fosthom l-għajnuna diretta għall-ġenituri li ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol minħabba l-għeluq tal-iskejjel u child cares, li jgorr parti mil-leave tal-kwarantina obligatorja, iż-żieda fil-benefiċċji tal-qgħad għal min sfortunatament jitlef l-impjieg tiegħu."

Il-GWU faħħret l-aspett pożittiv tal-miżuri li ħabbar il-Gvern.

Kif dejjem saħqet il-GWU li temmen fl-ugwaljanza tal-ħaddiema u għalhekk taqbel mal-miżuri mħabbra biex intrapriżi li ma jkeċċux

Il-GWU qed tipproponi inċentivi ġodda lill-kumpaniji kollha tagħna, fosthom żieda diretta fl-għajnuna għall-ħlas ta’ pagi u krediti fil-pagamenti tat-taxxa biex aktar kumpaniji jżommu l-impjegati. Il-krediti, tkompli tgħid il-unjin, għandhom ivarjaw skont l-impatt li industrija partikolari qed taffaċċja minn din il-problema.

Il-GWU tipproponi wkoll t-tnaqqis f’Government Induced Costs għall-industriji tal-manifattura u t-turiżmu fosthom tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Barra minn hekk il-moratorium fuq is-self - speċjalment dak residenzjali - għandu jkun mandatorju u aktar minn tliet xhur.

"L-għan aħħari huwa illi jkomplu jiġu salvagwardjati l-impjiegi," temmet tgħid il-GWU.

 

More in Politika