Miżuri Covid-19 | 'B'dak li ħabbar il-Gvern mhu se jsalva ebda impjieg' - Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq illi l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tal-paga, kif ippropona l-PN

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal illi b'dak li ħabbar il-Gvern mhu se jsalva ebda impjieg  u saħaq illi l-Gvern mhux vera li se jkun qed jagħti €1.8 biljun f'għajnuna, imma €175 miljun. 

"Dan mhux talli mhux ġeneruż talli lanqas jibda biex isalva l-impjiegi.  Il-Gvern jaqbillu jagħti aktar għax jekk ħafna nies jitilfu x-xogħol, xorta se tiġih ogħla," sostna l-Kap tal-PN. 

Huwa reġa sostna li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tal-paga - capped wara diskussjonijiet - u saħaq li €320 lil min iħaddem hija inqas milli jagħti kieku l-ħaddiema jispiċċa bla xogħol. "Mhux vera li kulħadd faddal u li jista' jiekol minn ġewwa.  Ir-realtà hija li hawn ħafna li jaqilgħuha u jiekluha.  Ejja ninvestu biex ma jkollniex sensji," saħaq Delia. "Tiswa' kemm tiswa' din il-miżura, dak li ħabbar l-Gvern ifisser li se jkun nefaq aktar mingħajr l-effett mixtieq."

Huwa qal li l-Gvern waqaf jisma' u jiddjaloga u li saret diskussjoni imma li l-Gvern "mhu qed jagħti każ lil ħadd."

Delia qal li anke l-garanziji għas-self ma jagħmlux sens, għaliex l-ebda negozju mhu se jmur jieħu self issa meta n-negozju jinsab magħluq.  "Il-Gvern se jagħti €900 miljun għan-negozji kollha meta lill-Electrogas taha €360 miljun waħedha."

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka wkoll kif il-Gvern se jalloka €35 miljun għall-coronavirus meta lil Steward Healthcare għaddhielha €70 miljun.

 

More in Politika