Mhux se jsiru testijiet tal-VRT; Il-liċenzji li se jiskadu se jibqgħu validi

L-Awtorità għat-Trasport f’Malta ħadet din id-deċiżjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19

L-Awtorità għat-Trasport f’Malta qed tavża li l-liċenzji tal-vetturi kollha li jiskadu mill-aħħar ta’ Marzu 2020 ‘il quddiem ser jibqgħu awtomatikament validi għax-xhur ta’ wara, sakemm dawn il-vetturi jkunu koperti b’polza tal-assikurazzjoni valida.

Dan l-avviż se jibqa’ validu sakemm ikun hemm avviż ieħor mill-istess Awtorità. 

Dan ifisser ukoll li mhux se jkunu qed isiru testijiet tal-VRT għal dawk il-vetturi li jeħtiġuh f’dan il-perjodu sabiex tkun tista’ tiġġeded il-liċenzja tagħhom, tant li l-faċilitajiet li jagħmlu dawn it-testijiet se jkunu kollha magħluqin b’effett immedjat. 

Minkejja dawn il-miżuri, l-Awtorità tisħaq illi biex issuq il-vetturi tiegħek xorta waħda għandek bżonn polza tal-assikurazzjoni valida maħruġa b’mod elettroniku mill-kumpaniji u/jew l-intermedjarji tal-assikurazzjoni lokali.

Dawn il-miżuri qed jittieħdu fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19. 

More in Politika