Filmat | Il-Ministru Silvio Schembri jitlob apoloġija għall-kummenti tiegħu dwar il-ħaddiema barranin

Jassigura li l-Gvern jinsab kommess li jgħin lill-ħaddiema kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom

F’messaġġ fuq Facebook, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, Silvio Schembri talab apoloġija jekk bil-kummenti tiegħu fil-Parlament dwar il-ħaddiema barranin weġġa’ jew offenda lil xi ħadd.

“Il-Gvern u jiena ninsabu magħquda biex ngħinu lill-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom,” insista l-Ministru waqt li tenna li l-Gvern jinsab kommess li jgħin lill-impjegaturi, lill-ħaddiema u anke lil dawk li jaħdmu għal rashom “f’dawn iż-żminijiet diffiċli.”

Schembri saħaq li huwa kburi li l-ekonomija Maltija pprovdiet għajxien aħjar mhux biss lill-familji Maltin, iżda anke fetħet il-bibien għal dawk l-Ewropej u persuni minn pajjiżi terzi biex jibnu futur aħjar f’Malta.

Assigura li l-Gvern mhu se jtemm l-ebda permess ta’ xogħol lil persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi u lanqas ma kien qed jirreferi għal dawk li ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u li jgħixu u jaħdmu Malta b’mod legali.

Appella wkoll lil dawk il-Maltin li jikru biex f’dawn il-mumenti jkunu flessibbli fil-prezzijiet tal-kera sakemm l-ekonomija Maltija terġa’ tibda tiffunzjona kif kienet qabel.

Schembri kien qed jirreferi għall-kummenti tiegħu meta qal li dawk il-ħaddiema kollha barranin li jitilfu x-xogħol tagħhom fi żmien il-kriżi li għaddejja minnha d-dinja minħabba l-coronavirus, se jkollhom jirritornaw lura pajjiżhom immedjatament jew inkella jkunu ddeportati.

“Charity begins at home,” qal ilbieraħ il-Ministru, waqt li insista li l-ħaddiema Maltin jiġu l-ewwel.

More in Politika