Is-Soċjetà Ċivili tipproponi li jiefqu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fi żmien il-kwarantina jew lockdown

Tipproponi wkoll tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal sitt xhur bħala inċentiv ekonomiku

In-Network tas-Soċjetà Ċivili nediet lista’ proposti bil-għan li jtaffu mill-impatt negattiv li l-firxa tal-coronavirus qed ikollha fuq in-negozji u l-impjiegi u fost oħrajn qed tisħaq li waqt il-perjodu ta’ kwarantina jew lockdown il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jintbagħatux lid-djar u lill-ħwienet u anke biex ikun hemm tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal sitt xhur bħala inċentiv ekonomiku

Fi stqarrija, is-Soċjetà Ċivili saħqet li l-għan ta’ dan il-proposti huwa li jilħqu :kull kull sfera tas-soċjetà jkollha l-għajnuna meħtieġa biex ma tegħriqx,” liema proposti huma ċċentrati madwar fond ta’ €1 biljun “biex tkun salvata l-ekonomija.”

“Gvernijiet barranin qegħdin jagħrfu x’inhi s-sitwazzjoni, u qegħdin joffru madwar 10% tal-prodott gross domestiku (GDP) tagħhom biex jikkombattu s-sintomi ta’ ekonomija batuta minħabba l-effetti tal-COVID-19,” tkompli tisħaq l-istqarrija.

Insistiet li l-proposti, li se jiswew €1 biljun, ifisser 10% inqas mill-GDP Malti.

“Jekk il-flejjes li qala’ l-Gvern mill-passaporti se jintefqu f’xi ħaġa, għandhom jiġu njettati fl-ekonomija Maltija biex tinżamm il-kunfidenza fis-sistema,” saħqet is-Soċjeta Ċivili

Il-proposti huma dawn:

  • Inċentivi għal-lukandieri biex joffru akkomodazzjoni irħas għall-ħaddiema tas-saħħa u tas-servizzi tas-sigurtà sakemm ikollhom bżonn joqgħodu ‘l bogħod minn darhom. Nirringrazzjawhom mill-qalb tas-servizz inkredibbli tagħhom.
  • Il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ma jintbagħatux lid-djar u lill-kummerċi waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown, kif qiegħed isir pereżempju fi Franza.
  • Twaqqif temporanju ta’ permessi tax-xogħol ġodda sabiex tingħata preferenza lil dawk il-ħaddiema ta’ kwalunkwe nazzjonalità illi tilfu xogħolhom minħabba l-virus.
  • Kumpens għat-tkeċċija lill-impjegati li tilfu xogħolhom minħabba l-virus li jinvolvu somma flus kif ukoll allowance ta’ paga minima tul il-kriżi.
  • Self tal-gvern mingħajr interessi garantit għall-intrapriżi għal tul ta’ żmien wara li jispiċċa l-lockdown, dipendenti fuq jekk inżammux l-impjegati kollha tat-tali negozju.
  • Ħlasijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali (NI) għandhom jiġu rrinunzjati waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown.
  • Moratorju fuq ħlasijiet ta’ ipoteki tul dawn it-tliet xhur.
  • Protezzjoni mill-gvern ta’ salarji mħallsin tul dawn it-tliet xhur, fejn il-Gvern iħallas 75% ta’ kwalunkwe paga bil-kundizzjoni li kumpanija ma tkeċċix impjegati.
  • Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal sitt xhur bħala inċentiv ekonomiku.
  • Tnaqqis fil-VAT fuq prodotti essenzjali li jinbiegħu fis-supermarkets.
  • Il-faxex tat-taxxa għandhom ikunu rilaxxati għal min jaqla’ inqas minn €30,000 fis-sena għal żmien limitat.
  • Pagamenti ttardjati fuq it-taxxa provviżorja u taxxa tad-dħul għal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
  • Tnaqqis jew eżenzjoni fit-taxxa għal dawk li jnaqqsu l-kirjiet kummerċjali b’50% u/jew 75% għall-proprjetajiet domestiċi.
  • Kumitat stabbilit bejn l-aktar entitajiet ekonomiċi, jiġifieri l-Gvern, l-Oppożizzjoni, it-Trade Unions, u impjegati kbar, biex jagħtu parir lill-Parlament Malti rigwart il-kriżi ekonomiku.

More in Politika