Graffiti jipproponu: Ipposponi l-ħlas tal-loans u poġġi moratorju fuq it-tkeċċija tal-ħaddiema

Graffiti ħareġ għadd ta’ proposti li l-għan tagħhom huwa li jipproteġi lill-ħaddiema, partikolarment dawk l-aktar batuti finanzjarjament

Il-Moviment Graffitti qiegħed jipproponi li l-Istat idaħħal miżuri li biha, min għandu loans mal-bank inklużi home loans u loans marbutin man-negozju) jitħalla, għal ftit xhur, jipposponi l-ħlasijiet dovuti lill-bank u anke jitpoġġa moratorju fuq it-tkeċċija tal-ħaddiema.

Graffiti ħareġ għadd ta’ propostili l-għan tagħhom huwa li jipproteġi lill-ħaddiema, partikolarment dawk l-aktar batuti finanzjarjament biex kemm jista’ jkun ma jintlaqtux ħażin mit-tixrid tal-coronavirus u l-effetti li dan qiegħed iħalli fuq in-negozju u fuq l-ekonomija.

Il-proposti huma dawn:

Għajnuna lill-ħaddiema fuq kuntratti prekarji u lis-self-employed

  • L-agħar milquta bit-tnaqqas fl-attività eknomika huma l-ħaddiema fuq kuntratti li ma jiżgurawx sigħat ta xogħol fissi u dawk il-persuni self-employed li jaqilgħuha u jikluha. Ħafna minn dawn il-persuni spiċċaw mingħajr dħul, jew bi dħul baxx ħafna. Għandu jkun hemm sistema fejn dawn il-persuni jkunu temporanjament eliġibbli sabiex jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad (unemployment benefit).

Miżura dwar ħlas ta’ loans

  • L-Istat għandu jdaħħal miżura li biha min għandu loans mal-bank (inklużi home loans u loans marbutin man-negozju) jitħalla, għal ftit xhur, jipposponi l-ħlasijiet dovuti lill-bank.

Fond ta’ self mingħajr interessi lill-kumpaniji

  • Għandu jkun hemm fond tal-Gvern li joffri self mingħajr interessi lill-kumpaniji privati, speċjalment sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jħallsu lill-ħaddiema tagħhom. Dawn il-flus għandhom jingħataw lura lill-Gvern, mingħajr interessi, bil-mod il-mod wara li terġa’ tirpilja l-attività ekonomika. Filwaqt li huwa tajjeb li l-Gvern jgħin lin-negozji f’dan il-mument diffiċli, lanqas huwa sew li kumpaniji li sa ftit tal-jiem ilu kienu qed jagħmlu profitti kbar jistennew li l-poplu jġorr il-piż fil-ħin li dawn il-profitti naqsulhom temporanjament. Mhuwiex ġust li l-profitti tagħhom ikunu privati, filwaqt li t-telf tagħhom isir pubbliku. Għalhekk il-proposta tagħna hija li l-għajnuna mill-Gvern tieħu l-forma ta’ self mingħajr interessi, li jitħallas lura maż-żmien.

Moratorju fuq tkeċċijiet

  • Għandu jkun hemm moratorju temporanju fuq tkeċċijiet tal-ħaddiema. Issa huwa żmien is-solidarjetà, u mhux żmien fejn il-ħaddiema jispiċċaw mormija bħal lumija li ntgħasret.

Leave tal-kwarantina

  • Il-Gvern għandu jdaħħal fis-seħħ leave speċjali għal ħaddiema li qed ikollhom jagħmlu l-kwarantina (u li tulha ma jkunux jistgħu jaħdmu mid-dar). Dan il-leave speċjali jkun jgħodd anki fl-eventwalità ta’ lockdown fil-pajjiż. Nofs dan il-leave għandu jittieħed mill-intitolament għas-sick leave tal-ħaddiema, filwaqt li n-nofs l-ieħor ikun leave specajli bi ħlas fejn il-Gvern jissussidja parti mill-paga, u l-parti l-oħra titħallas minn min iħaddem.

More in Politika