Coronavirus | 50% tan-negozji f'Għawdex se jkollhom jagħlqu jekk is-sitwazzjoni tippersisti

Minn sondaġġ li għamlet il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, jirriżulta li ħafna negozji Għawdxin qed jikkunsidraw li jnaqqsu l-operat jew iwaqqfu l-ħaddiema

Minn stħarriġ li sar mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, jirriżulta li l-maġġoranza assoluta tas-sidien li ħadu sehem, jiġifieri 71%, saħqu li t-tixrid tal-Covid-19 qiegħed iħalli impatt negattiv kbir fuq l-operat tagħhom, b’50% tan-negozji jisħqu li jekk is-sitwazzjoni tippersisti, se jkollhom jagħlqu.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija ppubblikat ir-riżultat ta’ stħarriġ li wettqet biex tifhem aħjar l-impatt li l-coronavirus kellu fuq in-negozji f’Għawdex. Fost dawk li ħadu sehem, 37% kienu negozji fis-settur turistiku, 23% fl-importazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti, 6% fil-kostruzzjoni, 13% fis-settur finanzjarju, legali jew tas-saħħa, 4% fil-manifattura u l-esportazzjoni, 2% fit-trasport u l-bqija (15%) kienu negozji oħra.

Mistoqsija x’miżuri qed jieħdu jew inkella qed jippjanaw li jieħdu biex jilqgħu għall-impatt tal-Covid-19 fuq in-negozju u l-ekonomija, 8% qalu li ma ħadu l-ebda miżuri, 41.7% qalu li se jkollhom inaqqsu l-operat tagħhom, 33.3% qalu li se jkollhom inaqqsu l-ħaddiema filwaqt li nofshom, 50%, wieġbu li se jkollhom jagħlqu kompletament jekk is-sitwazzjoni tippersisti.

Kkienu 6% biss li qalu li l-miżuri li ħabbar il-Gvern nhar is-Sibt li għadda kienu biżżejjed. 31% indikaw li seta’ sar ħafna aktar biex in-negozji jkunu mgħejjuna filwaqt li 63% insistew li l-miżuri mħabbra mhumiex biżżejjed.

Dwar il-proposta tal-Gvern biex il-leave tal-kwarantina jkun imħallas mill-impjegaturi, 63% indikaw li dan se jkollu impatt negattiv kbir fuq in-negozju tagħhom. 13% biss qalu li dan mhux se jaffettwahom.

Il-maġġoranza assoluta, 94% qalu wkoll li l-Gvern għandu jippreżenta pakkett speċifiku u dirett għan-negozju f’Għawdex.

Kif ipproponiet ukoll l-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmi, fost oħrajn, il-Kamra tal-Kummerċ qed tisħaq li l-leave tal-kwarantina għandu jkun iffinanzjat mill-Gvern u l-pagi għandhom ikunu ssusidjati wkoll bil-għan li n-negozji kollha ma jkollhomx għaliex inaqqsu l-ħaddiema.

More in Politika