Intervista | Qegħdin fi gwerra kontra mikrobu u l-infermiera jridu jiġġildulu ... aħsbu fina

Id-dinja, inkluż Malta maqbudin f'morsa ta' biża' hekk kif il-Covid-19 tkompli tinxtered. Fuq quddiem hemm l-infermiera, it-tobba u dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-persuna li tirrappreżentahom ...

Il-Coronavirus jinsab fuq fomm kulħadd, fil-fatt din il-ħarġa hija waħda speċjali dwar din il-marda, li bil-mod il-mod qed tinfirex f'kull rokna tad-dinja u tħalli ħerba ta' mewt u ħerba ekonomika. 

L-ILLUM għalhekk ma setgħetx ma tintervistax lill-persuna li tirrappreżenta lill-aktar nies li jinsabu fuq quddiem f'din il-battalja kontra virus li qed iqajjem pandemonju sħiħ u jħalli pajjiżi sħaħ magħluqin: Paul Pace, il-President tal-Unjin Maltija tal-Infermiera u Qwiebel. 

'Qisna għax għalaqna l-iskejjel għal ġimgħa solvejna l-problema'

Kemm qed tinkwetak din is-sitwazzjoni? Kemm taħseb li se ndumu b'din is-sitwazzjoni? Se nsibu vaċċin? Hemm xaqq ta’ dawl fl-aħħar tal-mina? 

Pace jwieġeb għal dan l-elenku ta' mistoqsijiet  fl-affermattiv. "Iva dażgur li tinkwetani, l-ewwel nett bħala ċittadin u l-mod ta' kif ngħixu. Għall- inqas jekk inħarsu lejn il-pożittiv affarijiet bħal dawn ikunu jfissru aktar ħin mal-familja u forsi xi ħarġa fil-kampanja. 

Huwa qal imma li lil hinn minn dak li jħoss hu hemm inkwiet fost is-settur dwar ir-riżorsa u l-ammont ta' ħaddiema. 

"Jingħadu ħafna affarijiet pereżempju li jingħalqu l-iskejjel," qal Pace ftit biss qabel ma' l-Prim Ministru ħabbar li l-iskejjel se jingħalqu kollha. 

Kien fil-fatt mal-ILLUM l-ewwel li Pace spjega kif din se toħloq problema kbira għax tnaqqas l-ammont ta' infermiera fi żmien fejn tant hemm bżonnhom. 

"Ir-riperkussjonijiet huma kbar u kellna nagħmluha biss bħala l-aħħar għażla. Din se tfisser illi n-numru ta' infermiera jonqsu b'bejn 20% u 30% fl-aktar żmien li se jkollna bżonnhom.  U dan biex, naturalment, dawn jibqgħu jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom id-dar." 

Huwa qal li ħafna nies ħaduha bħala xi ħaġa frivola li jingħalqu l-iskejjel.  "Qisna għax nagħlqu l-iskejjel għal ġimgħa se tkun għaddiet il-Coronavirus. Kellu bżonn jiġri hekk, imma wara għaxart ijiem se nkunu fejn aħna llum jekk mhux agħar ukoll."

Huwa reġa’ saħaq illi din il-miżura, anke jekk tista' tkun tajba se żżid il-piż fuq l-infermiera, fuq il-piż li diġà qed jiżdied permezz ta' aktar sodod. 

"Tajjeb li jkollna aktar sodod, imma x-xogħol qed jiżdied l-infermiera mhumiex," qal Pace. 

Huwa qal li f'dan li qed jgħid mhux qed jinkludi l-fatt li fost l-infermiera hemm uħud li jkollhom mard li jipprevenihom milli jikkuraw nies bil-Coronavirus. 

'M'għandniex il-lussu nġibu infermiera minn reġjun ieħor'

Imma din il-gazzetta tfakkru li ta' Malta mhix l-ewwel pajjiż li għalqet l-iskejjel - l-Italja u l-Greċja fost oħrajn għalquhom ukoll. Pace jgħid li hemm differenza bażika u ġeografika.  "X'għamlu Lombardija, għax dan reġjun li ntlaqat ħafna iktar minn oħrajn? Issejħu l-infermiera minn reġjuni fejn il-marda ma laqtitx daqstant lill-komunità. U l-istess il-Greċja." 

Pace jgħid Malta m'għandhiex dan il-lussu, li tgħajjat lill-infermiera, minn reġjun ieħor.

'Ippreparaw għall-gwerra'

Din il-gazzetta tistaqsi allura jekk iħossx li Malta u l-qasam tas-saħħa kienx lest għal din l-eventwalità, xi ħaġa li l-Kap tal-Oppoizzjoni qal li ma konniex.

Huwa jgħid li konna lesti "sa ċerta numri iva.  Din bħal dgħajsa, sa ċerta mewġ tkun tiflaħ."

Huwa qal li l-problema hija li wieħed ma jkunx jaf eżatt kif jiżviluppa dan il-virus, li bħalissa jidher li qed jissaħħaħ aktar kemm jgħaddi għand nies. 

Pace jikkwota lill-PM Ingliż Boris Johnson; "ippreparaw għall-gwerra."

Mill-endemija sal-pandemija

Minn hemmhekk induru ftit lejn il-virus u l-fatt li kien iddikjarat pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). 

Pace jispjega x'inhi d-differenza bejn endemija, epidemija u pandemija. 

Endemija hija n-norma, jiġifieri pereżempju fix-xitwa jkollok 1,000 każ ta' persuni bl-influwenza.  Din hija xi ħaġa komuni. 

Epidemija hija meta din il-marda tikber b'tali mod li ma tibqax in-norma imma tibqa' fl-istess pajjiż. 

Pandemija, bħal Covid-19 hija meta dik il-marda tinxtered mad-dinja. 

 Ma setax ħoloqha l-bniedem l-Coronavirus

Konsiprazzjoni li qed iddur hija li din hija xi ħaġa li għamel il-bniedem. Jista' jkun li vera? "Le.  Il-bniedem ma jistax jivvinta virus. Li jista' jagħmel - f'każi estremi għall-armi bijoloġiċi - huwa li jimmodifika virus. Il-Coronavirus huwa magħmul b'mod naturali u dan fil-fatt mhux l-ewwel Coronavirus."

Ifakkar li din mhux l-ewwel darba li kellna pandemija u ftit iktar minn 100 sena ilu, fl-1918, kienet inxterdet l-Ispanish Fly li qatlet miljuni kbar ta' nies. "Dan kien mikrobu li nbidel b'tali mod li sar b'saħħtu u għamel straġi. Issa llum aħna ħafna aktar attrezzati," jispjega. 

Din setgħet ġiet minn rettilu li għandu ġisem kompletament differenti. Jispjega kif il-Covid-19 irnexxielu jidħol minn annimal għal bniedem u jgħaddi minn bniedem għall-ieħor u fl-istess ħin jissaħħaħ, mhux kif normalment jiġri, jiddgħajjef.

Huwa jgħid li dan jagħmel il-virus mhux prevedibbli. 

"Hemm żewġ fatturi li jiddistingwu virus minn ieħor u dawn huma: kemm dan il-virus jittieħed u kemm hi r-rata tal-imwiet ikkawżata minnu," jispjega Pace.

"Is-SARS u l-MERS kellhom rata ta' mwiet għolja, vera imma  - anke jekk se tinstema' kerha meta tgħidha - meta jkollok imwiet sa ċerta punt din qed tiġi kkontrollata, kuntrarjament għall-Coronavirus ta' issa li bih 80% ma jkollhomx għalfejn imorru l-isptar u allura jibqgħu jxerrdu." 

Messna għalaqana mal-Lombardija

Jaħseb li bħala pajjiż ħadna azzjoni meħtieġa tard?  "Iva żgur. Aħna messna għalaqna l-mument li l-Lombardija ngħalqet."

Huwa qal illi l-argument li ċ-Ċina hija ’l bogħod u m'hawnx titjiriet diretti ma jreġġix, għax il-marda għandha rata ta' inkubazzjoni ta' 14-il jum. 

Qed nieħdu l-istess miżuri tal-pesta

Pace jagħmel paragun interssanti u jgħid li llum qed nieħdu l-istess miżuri li konna nieħdu fil-Medju Evu meta nxterdet il-pesta. 

"Dak iż-żmien kienu l-istess qed jagħlqu l-fruntieri, bliet imma anke toroq biex ma tkunx tista' toħroġ mit-triq."

'Malta bħal vapur ... għalhekk irridu nagħmlu lockdown'

Biex jagħti eżempju ta' għalfejn Malta wkoll għandha bżonn tmur għal lockdown komplet, fi kliem ieħor li ħadd ma joħroġ jekk mhux għan-neċessità huwa jġib l-eżempju tal-cruise li kellu każi tal-virus u ma tħalliex jidħol f'diversi portijiet, inkluż dak ta' Malta. 

Huwa jgħid illi sakemm kien qed jopera normali r-rata tat-tixrid tal-marda kien ta' 75%. Meta mbagħad ittieħdu miżuri u kulħadd kellu joqgħod fil-kabina tiegħu r-rata ta' tixrid niżlet għal 17%. 

"Jiġifieri l-għajta li ma tħallix nies jinġabru u ma jsirux attivitajiet tal-massa tagħmel sens. Dan allura għandu jfisser li pajjiżna għandu jagħmel l-istess, għax pajjiżna qisu vapur kbir." 

Fil-verità dan jikkuntrasta xi ftit jew wisq mal-argument preċedenti ta' Pace li ma jingħalqux l-iskejjel.

Huwa qal li jekk Malta tagħmel dak li qed jagħmlu t-Taljani issa u nitgħallmu mill-iżbalji ta' ħaddieħor ma taffettwaniex daqstant. 

Huwa fakkar li l-probabbilità hija li Malta se jkollha każ ta' persuna li tiġi infettata minkejja li ma tkunx siefret imma minn persuna Maltija oħra u meta jiġri hekk "nikkalmaw, mhux l-aħħar tad-dinja. Nieħdu ħsieb, inżommu kwarantina, innaqqsu l-ħruġ jew immorru fil-kampanja u ma mmorrux fejn ikun hemm ħafna nies," jappella Pace. 

Temm dan il-punt jappella biex tar-ristoranti jagħmlu affarijiet biex tkun tista' taħsel idejk u alcoholic rubs. "Ġieli tmur ristoranti tara sinkijiet imkissrin, bla sapun u bla ilma ... dawn l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu jsiru.  Dawn huma affarijiet bażiċi."

Finalment l-ILLUM tistaqsi lil Pace jekk l-infermiera humiex lesti biżżejjed u għandhomx biżżejjed protezzjoni. 

"Li qed ituna huwa xi ftit limitat, tajjeb għall-ITU mhux għal din il-marda respiratorja. Pajjiżi oħrajn qed jingħataw protezzjoni kompluta li jgħatti ras il-persuna kollha. 

"Nista' nħabbar ukoll iżda illi l-Mininstru laqa’ dawn it-talbiet u qed nistennewhom ġejjin." 

Itemm b'erba' talbiet oħra: l-ewwel nett li l-infermier ikollu l-kwarantina tiegħu hekk kif huwa l-aktar persuna qrib il-persuna li għandha l-Covid-19. It-tieni nett l-MUMN qed titlob 'danger money' bħala inċentiv kif ukoll tnaqqis fit-taxxa tal-overtime ħalli aktar nies jaħdmu u rotazzjoni tax-xifts ħalli kulħadd ikun qed jagħti sehmu u kulħadd ikun parti mill-ħidma kontra dan il-virus.

Pace temm jappella: "Issa wasal iż-żmien li tinvestu fl-infermiera għax huma se jkunu fuq quddiem, 24 siegħa kuljum."

"Qegħdin fi gwerra kontra mikrobu u l-infermiera jridu jiġġildulu. Mela aħsbu u investu fina," item l-intervista Pace. 

More in Politika