Disa' każijiet ġodda ta' coronavirus; L-ewwel tliet pazjenti li ħadu l-virus f'Malta

It-tliet każi trasmessi lokalment jinvolvu tliet ħaddiema tas-saħħa; Dan ifisser li Malta sa issa kellha 30 każ ta' coronavirus

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblikla Charmaine Gauci ħabbret li, fl-aħħar 24 siegħa, disa' persuni oħra rriżultaw pożittiv għall-coronavirus u għall-ewwel darba, Malta, kellha tliet każi ta' trasmissjoni lokali, jiġifieri tliet pazjenti li l-virus ħaduh mhux minn barra minn Malta, għax ma sifrux, iżda minn persuni oħra infettati li kienu f'Malta.

It-tliet każi trasmessi lokalment jinvolvu tliet ħaddiema tas-saħħa. Dawn it-tliet pazjenti kienu diġà ġew identifikati waqt l-assessjar li qed isir mill-awtoritajiet tas-saħħa, hekk kif kienu f'kuntatt dirett ma' persuni oħra li fl-aħħar jiem irriżulta li kellhom il-Covid-19.

Għalhekk, dawn it-tliet ħaddiema tas-saħħa kienu jinsabu fi kwarantina meta ħarġulhom is-sintomi.

Waħda mill-ħaddiema kienet qiegħda Għawdex

Is-Supretendent spjegat kif waħda minn dawn il-pazjenti kienet tinsab f'Għawdex, iżda ma ħaditx il-Covid-19 minn Għawdex. Din il-pazjenta tniżżlet Malta biex tinżamm Mater Dei.

Fil-fatt, aktar tard fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex spjega kif din il-pazjenta ttieħdet Malta f’ambulanza fi vjaġġ tal-Gozo Channel li sar apposta għal eventwalità bħal din. Dan ifisser li apparti l-ambulanza, fuq il-vapur ta' Għawdex, ma kien hemm l-ebda vettura oħra.

Charmaine Gauci spjegat li sa issa, il-każi kollha f’Malta kienu stabbli, tant li dawn setgħu jinżammu f’iżolament id-dar u mhux l-isptar, anke jekk sa issa kollha kemm huma ġew rikoverati f’Mater Dei. 

Fakkret li mit-30 pazjent li rriżultaw pożittiv, tnejn minnhom fiequ.

Il-każijiet impurtati

  • Maltija ta’ 56 sena
    • Marret l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu
    • Fil-15 ta’ Marzu kellha l-ewwel sintomi: deni, sogħla u uġigħ ta’ ras
    • Ma taħdimx.
    • Tgħix mar-raġel u qiegħed fi kwarantina
  • Raġel 34 sena
    • Dan kien vaganza ma' pazjent ieħor (pożittiv fil-ġranet li għaddew) li kien mar Barċellona
    • Marru fis-6 ta’ Marzu u rritornaw fl-10 ta’ Marzu
    • Fl-14 ta’ Marzu kellu l-ewwel sintomi: sogħla u ftit deni u sar it-test
    • Jaħdem f’kumpanija privata u kien mar ftit ix-xogħol
    • Għaddej l-assessjar fil-kumpanija biex ikun magħruf x'kuntatt kellu u jekk hemm persuni f'riskju
  • Żagħżugħ ta’ 15-il sena
    • Kien Malta ma' grupp ta’ ħbieb.
    • Meta kien sejjer lura Spanja, waqt li kien l-ajruport, ħassu ma jiflaħx
    • Ġew iżolati fil-klinika tal-ajruport
    • Iż-żagħżugħ ta' 15-il sena rriżulta pożittiv
    • Inżammew hawn Malta u sħabu tpoġġew fi kwarantina
  • Taljana ta’ 49 sena
    • Tgħix u taħdem Malta
    • Ma sifritx, iżda r-raġel tagħha siefer Ruma u Montenegro bejn l-4 u l-5 ta’ Marzu
    • Kellha s-sintomi fil-15 ta’ Marzu
    • Is-suspett huwa li ttieħdet minn sintomi ħfief li kellu r-raġel
    • Ir-raġel tagħha ma kienx mar għax-xogħol għax sema mill-pariri tal-awtoritajiet
  • Ingliż ta’ 32 sena
    • Resident hawn Malta
    • Ġie fit-13 ta’ Marzu u fl-14 ta’ Marzu ħarġulu s-sintomi
    • Sema mill-pariri u kien fi kwarantina
    • Il-mara tiegħu tinsab fi kwarantina wkoll
    • Sar ukoll kuntatt mal-passiġġiera li kienu bilqiegħda viċin tiegħu fuq l-ajruplan
  • Żagħżugħ ta’ 19-il sena
    • Ukoll relatat ma’ pazjent ieħor li fl-aħħar jiem irriżulta pożittiv għall-coronavirus
    • Kienu marru Dublin. 
    • Siefer bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu 
    • Kien sar kuntatt miegħu meta sieħbu kien irriżulta pożittiv
    • Għalhekk ma kienx mar Università
    • Iżda mar ftit ħin ix-xogħol u għalhekk qed isir kuntatt mal-kumpanija biex ikun magħruf x'kuntatti kellu

Trasmissjoni lokali

Żewġ ħaddiema tas-saħħa li ttieħdu minn ħaddiema oħra

Charmaine Gauci fakkret fil-każ tal-ħaddiema tas-settur tas-saħħa li kienet irriżultat pożittiv fil-ġranet li għaddew. Fakkret li meta kien sar l-assessjar kien irriżulta li din kellha kuntatt ma’ żewġ persuni oħra li jaħdmu magħha. Dawn kienu tpoġġew mill-ewwel fi kwarantina u għalhekk ma kinux marru għax-xogħol. It-tnejn li huma ħarġulhom is-sintomi u sarulhom it-testijiet. Iż-żewġ pazjenti huma:

  • Raġel ta’ 36 sena
    • Dan ħarġulu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu
    • Peress li fil-ġranet ta' qabel kien mar ix-xogħol sar l-assessjar mal-kollegi tiegħu
    • Ir-riskju għall-pazjenti huwa wieħed minimu
  • Tfajla ta’ 23 sena
    • Kellha kuntatt dirett mal-pazjenta (pożittiva għall-coronavirus fil-ġranet li għaddew)
    • Fit-13 ta’ Marzu ħarġulha s-sintomi
    • Kienet fi kwarantina
    • Għaddej l-assessjar biex ikun magħruf x’kuntatt kellha mal-kollegi
    • Mill-assessjar ġie stabbilit li r-riskju għall-pazjenti huwa minimu

Ħaddiema oħra tas-saħħa

​​It-tielet każ ta’ trasmissjoni lokali tal-Covid-19, ukoll jinvolvi ħaddiema tas-saħħa li ħarġulha s-sintomi fl-14 ta’ Marzu, fejn kellha deni u anke flissjoni. Din ma kinitx imsiefra. Is-sorsi setgħu kienu tnejn:

  • Tgħix ma’ persuna oħra, Taljan, li kien imsiefer
  • Kellha wkoll kuntatt ma’ ħaddiem ieħor tas-saħħa f’Malta li rriżulta pożittiv għall-Covid-19

Dawk kollha li jaħdmu magħha jinsabu fi kwarantina.

More in Politika