Filwaqt li laqgħet il-pakkett ta’ miżuri li l-Gvern ħabbar għan-negozji milquta ħażin mill-coronavirus, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu qed titlob għal miżuri aktar drastiċi u diretti biex ikollhom “effett immedjat” fuq is-settur tat-turiżmu Għawdxi.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni saħqet li l-ekonomija ta’ Għawdex tiddependi primarjament fuq it-turiżmu, milqut ħażin ħafna mit-tixrid tal-Covid-19 u għalhekk qed tappella lill-Gvern biex iħabbar miżuri “konkreti u urġenti” biex ikun issalvagwardjat dan is-settur f’Għawdex u l-ħaddiema li jaħdmu fih.
“Dawn l-istabbilimenti li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija sena wara sena ma għandhomx alternattiva oħra u issa qed jikkontemplaw li jagħlqu,” saħqet l-Assoċjazzjoni.
Propju għalhekk li l-Assoċjazzjoni qed titlob pakkett ta’ miżuri li huma indirizzati speċifikament għas-settur tat-turiżmu f’Għawdex.
Fost oħrajn, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi:
- Li l-liċenzji għall-2020 li l-istabbilimenti turistiċi jħallsu lill-entitajiet bħall-MTA, l-MRA, TM u l-Awtorità tal-Artijiet ma jitħallsux
- Jitwaqqaf fond għall-pagi biex ma jkunx hemm bżonn li jitkeċċa l-ebda ħaddiem
- Miżuri biex jissalvagwardaw l-impjiegi mingħajr ma jintefa’ piż fuq limpjegatur
- Refużjoni mill-Gvern tal-leave għall-kwarantina li qed jerfa’ l-piż tiegħu l-impjegatur