Sondaġġ xjentifiku | Il-Coronavirus fost l-akbar inkwiet tal-Maltin

Sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM juri li qabel bdew jiżdiedu l-każi ta' Coronavirus 34% kienu mħassba dwar il-kostruzzjoni

Il-kwistjoni tal-Coronavirus sparat ’il fuq fil-lista ta’ kwistjonijiet ta' tħassib  biex hija waħda mill-aktar kwistjonijiet li qed tinkwieta lill-Maltin. Dan jirriżulta minn sondaġġ  xjentifiku li sar mill-gazzetta ILLUM meta inċident ta' kostruzzjoni li ħalla mara mejta kien għadu frisk fil-memorja tan-nies u fl-istess ħin ukoll li daħlet il-Coronavirus f'Malta.

Dan is-sondaġġ fil-fatt, sar bejn nhar it-Tlieta 3 ta' Marzu u nhar it-Tlieta  10 ta' Marzu u juri taħlita ta' żewġ kwistjonijiet li kienu qed jinkwetaw lill-Maltin b'mod serju u li ħalla lil kulħadd jiddiskuti u jiddibatti fuq il-midja soċjali - il-kostruzzjoni, wara l-każ li ħalla  lil Miriam Pace mejta u emerġenti, mix-xejn, il-kwistjoni tal-Coronavirus. 

Iktar kemm teskala din il-problema, iktar mistennija titla' ’l fuq fil-kwistjonijiet li qed iħassbu lill-Maltin u l-Għawdxin. 

Sa meta bdew ifaqqgħu l-każi f'Malta, 18 b'kollox f'ġimgħa, il-Coronavirus kienet diġà telgħet bħala r-raba' l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-poplu. 

Sa nhar it-Tlieta fil-fatt iċ-ċifra ta' nies inkwetati minħabba l-virus (7.4%) kien diġà jiżboq dak tal-popolazzjoni (0.8%), l-ekonomija (1.8%), l-ambjent (3.8%), il-barranin li jaħdmu Malta (6%) u anke l-korruzzjoni (6.5%). 

L-uniċi suġġetti li kienu qed jinkwetaw aktar lill-Maltin sa ftit qabel ma bdew jiżdiedu sew il-każi ta' Coronavirus kienet il-kostruzzjoni (34.2%), it-traffiku (11%) u l-immigrazzjoni rregolari (10.8%). 

Ċifri li ġew ippubblikati ilbieraħ stess fuq il-gazzetta oħt Malta Today juru kif 43% huma inkwetati ħafna dwar il-Coronavirus filwaqt li 42.7% huma 'xi ftit' inkwetati.  Ftit iktar minn 14% qalu li ma tantx huma inkwetati.

Iż-żgħażagħ l-aktar inkwetati, fl-ewwel jiem

Jidher li fl-ewwel jiem l-aktar li kienu inkwetati b'10.6% kienu dawk li għandhom bejn 18 u 35 sena. Fuq bażi ġeografika kienu l-Għawdxin b'13.3% l-aktar inkwetati bil-Coronavirus malli dan beda dieħel pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. 

Bi kważi 8%, dawk li għandhom livell sekondarju ta' edukazzjoni l-aktar li kienu inkwetati dwar dan il-virus filwaqt li t-tħassib kien id-doppju fost dawk li vvutaw lil-Labour fl-aħħar elezzjoni. 

Qabel inqala' dan kollu - Miriam Pace

 Qabel inqala' dan kollu r-rabja kienet dwar Miriam Pace u s-settur tal-kostruzzjoni. 

Fil-fatt 34% ta' dawk li ħadu sehem dan is-sondaġġ qalu li huma inkwetati dwar il-kostruzzjoni. 

L-aktar inkwetati kienu n-nisa bi 38.2%, dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-pajjiż fejn 41.6% qalu li din il-kwistjoni qed tinkwetahom u dawk ta' bejn it-36 u l-50 sena b'37.3%. 

Intant kienu 40% ta' dawk li għandhom livell primarju tal-edukazzjoni li kienu inkwetati dwar il-kostruzzjoni u l-inkonvenjent li dan joħloq, filwaqt li 35.4% ta' dawk li vvutaw PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

More in Politika