Tliet każijiet ġodda ta' coronavirus; Wieħed minnhom tabib

Tnejn mill-pazjenti, anke jekk ma sifrux flimkien, kienu fuq l-istess titjira iżda dak iż-żmien ma kellhom l-ebda sintomi

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif fl-aħħar sigħat tliet pazjent irriżultaw pożittiv għall-Coronavirus biex b'kollox f'Malta 21 persuna rriżultaw pożittiv fi żmien ġimgħa.

Bħal fil-każijiet kollha preċedenti, anke dawn il-każi huma importati, li ifisser li sa issa ma kien hemm l-ebda trasmissjoni lokali tal-Covid-19.

L-ewwel każ: Tabib Malti

  • Tabib ta' 23 sena. Dan mar Dublin l-Irlanda
  • Siefer fit-3 ta' Marzu u wasal lura fl-10 ta' Marzu
  • Fl-14 ta' Marzu kellu l-ewwel sintomi: uġigħ mal-ġisem, uġigħ ta' rasu anke sogħla.
  • Mill-ewwel għamel kwarantina meta ħass is-sintomi. Jiġifieri ma marx xogħol meta kellu s-sintomi.
  • Il-familja tiegħu wkoll tinsab fi kwarantina.
  • Miegħu kien hemm tliet persuni u wkoll jinsabu fi kwarantina
  • Sitt kollegi tiegħu tax-xogħol ukoll tpoġġew fi kwarantina mandatorja anke jekk ma marx ix-xogħol bis-sintomi

Student Malti ta' 20 sena

  • Siefer ukoll Dublin kważi fl-istess ġranet tal-ewwel pazjent.
  • Telaq minn Malta fil-5 ta' Marzu u rritorna lura fuq l-istess titjira mat-tabib li wkoll irriżulta fil-pożittiv.
  • Beda bis-sintomi fil-11 ta' Marzu: Sogħla u deni.
  • Mar lecture l-Università għal ftit ħin.
  • Għaddej l-assessjar biex ikun magħruf jekk kellux kuntatt ma' studenti oħra biex jekk dawn ikollhom is-sintomi jitkellmu mill-ewwel u jekk hemm bżonn minn issa jitpoġġew fi kwartantina obbligatorja.

Raġel ta' 21 sena mill-Portugall

  • Ma jgħix Malta iżda ġie biex jaħdem
  • Kien Spanja meta ġie Malta fl-10 ta' Marzu.
  • Fit-13 ta' Marzu beda bis-sintomi: Sogħla u qtugħ ta' nifs
  • Hu u t-tfajla tiegħu għamlu kwarantina mill-ewwel
  • It-tfajla tiegħu kellha xi sintomi iżda rriżultat fin-negattiv. 

B'kollox, sa issa, saru 'l fuq minn 700 test fuq persuni li kellhom is-sintom u li fl-aħħar jiem kienu misefra.

Gauci spjegat li dawk il-pazjenti li qed jidħlu b'sintomi ta' qtugħ ta' nifs, anke jekk ma jkunux siefru, xorta waħda qed isirulhom it-testijiet. Sa issa saru 663 test u kollha ħarġu fin-negattiv. 

Is-Supretendent appellat ukoll dwar l-importanza tal-kwarantina obbligatorja. Appellat biex min ikun fi kwarantina u jħoss xi sintomi, mhux joħroġ u jmur għand it-tabib jew għand l-ispiżjar, iżda jċempel mill-ewwel in-numru 111.

Helplines

  • 111: Ċempel BISS biex tistaqsi dwar xi sintomi li qed tħoss. Qabel żur is-sit covid19.gov.mt
  • 21324086: Għal aktar informazzjoni dwar il-Coronavirus
  • 21411411: Għal dawk li jinsabu fi kwarantina obbligatorja u għandhom bżonn xi ħtiġijiet

Kif isir l-assessjar biex persuna titqies 'riskju għoli'

Fl-aħħar jiem smajna ħafna lil Charmaine Gauci tgħid li sar assessjar fejn ġew mitkellma dawk il-persuni li setgħu kellhom kuntatt mal-pazjenti tal-Covid-19 biex ikun magħruf kemm huma f'riskju jew le.

Gauci qalet li biex il-virus jittieħed minn persuna għall-oħra, fost oħrajn, persuna tkun trid tkun damet 15-il minuta f'kuntatt viċin mal-persuna l-oħra, jew inkella persuna tkun damet fl-istess kamra mal-pazjent għal tul ta' ħin.

Propju għalhekk, li fi fil-każ tat-tabib, sitt kollegi tiegħu tpoġġew fi kwarantina u dan sar bi prekawzjoni għax meta kellu s-sintomi, jiġifieri meta l-virus jittieħed, it-tabib ma marx għax-xogħol.

More in Politika