Malta bit-tieni pazjent imfejjaq mill-coronavirus; Jitħejjew kważi 500 sodda ġdida għall-pazjenti

Imħejjija wkoll Emerġenza u ITU ġdid f'Mater Dei biex jekk ikun hemm bżonn tintuża biss mill-pazjenti bil-coronavirus; Posposti operazzjonijiet mhux urġenti

Malta għandha t-tieni pazjent li fieq mill-coronavirus. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-preparamenti li għaddejin bħalissa f'Mater Dei.

Huwa qal ukoll li l-pazjenti l-oħra kollha jinsabu f'kundizzjoni ta' saħħa tajba u qed jirkupraw.

"Nippreferu li jkollna għaxar pazjenti ġodda kuljum għal 100 ġurnata milli jkollna 100 pazjent kuljum fi tlett ijiem," saħaq Fearne. "Kemm jista' jkun nifirxu l-pazjenti fuq medda ta' żmien. Jekk ġej volum ta' ilma lejna nippreferu li tkun xmara u mhux tsunami."

Madanakollu saħaq li qed jintużaw ir-riżorsi kollha fil-pajjiż biex il-Gvern jilqa' għall-akbar numru ta' pazjenti li jista' jkollu. "Naħsbu fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqos."

Sodod ta' iżolament f'Mater Dei u lilhinn

Barra Mater Dei, Malta għandha 28 sodda bl-istaff kollox magħhom li jinsabu fi sptar ieħor. Dan qed jilqa' wkoll uħud mill-pazjenti li rriżultaw fil-pożittiv.

Fl-isptar Boffa hemm 12-il sodda oħra. Sa tmiem il-ġimgħa, dawn se jitilgħu sa 24 u jitilgħu aktar tard sa 65.

Biex hekk, b'kollox, barra Mater Dei, sal-aħħar tal-ġimgħa, Malta se jkollha 93 sodda.

Qed isiru l-preparamenti ġo faċilità oħra biex sal-aħħar ta' dan ix-xahar ikun hemm 120 sodda oħra.

"Hekk barra Mater Dei għandna 40 sodda. Bħal-lum ġimgħa jkollna 93 u sal-lum ħmistax ikollna 213-il sodda," spjega Fearne. "Qed inħarrġu l-istaff biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lill-pazjenti. Nerġa' ngħid li aħna qed naħsbu għall-agħar."

Preparamenti f'Mater Dei; Emerġenza oħra

F'Mater Dei ġiet imħejjija emerġenza oħra biex jekk il-pajjiż ikollu ħafna aktar pazjenti, din l-emerġenza tkun qed tintuża għal dawk il-pazjenti.

Ġew ippreparati wkoll żewġ swali tal-operazzjonijiet biex jintużaw f'każ li pazjenti bil-Covid-19 ikollhom bżonn jagħmlu operazzjoni urġenti.

Fearne spjega li qed jiżdiedu r-riżorsi wkoll fil-laboratorji biex ikomplu jsiru t-testijiet anke b'rata mgħaġġla.

Sodod f'Mater Dei lesti għall-pazjenti bil-Covid-19

Fearne spjega li ġew użati diversi swali f'Mater Dei li l-għan tagħhom ma kienx wieħed kliniku.

Fil-fatt intużat il-kamra li kienet tintuża għal-lectures. Intużat ukoll il-librerija tal-iskola medika u kmamar oħra li qed ikunu ppreparati bħala swali.

"Aħna u nitkellmu bħalissa għandna 136 sodda ġdida li tista' tintuża immedjatament. Sal-aħħar tax-xahar dawn se jitilgħu għal 274. F'Mater Dei, fis-swali li qabel kienu jintużaw għal affarijiet mhux kliniċi, dawn qed inbiddluhom fis-swali biex jintużaw f'każ li jkun hemm il-ħtieġa. J'Alla dawn il-preparamenti qed nagħmluhom għalxejn," saħaq Fearne.

Hekk, bejn Mater Dei u anke barra minn Mater Dei, l-awtoritajiet tas-saħħa ħejjew 487 sodda ġdida biex jintużaw minn pazjenti tal-COVID-19.

"Qed naħdmu mill-qrib mal-MAM, l-MUMN, Il-GWU u l-UĦM," saħaq Fearne waqt li spjega li sodod waħedhom mhumiex biżżejjed iżda jrid ikun hemm ir-riżorsa umana.

Aktar preparamenti biex jiżdied l-ispazju f'Mater Dei

Fearne qal li bħalissa qed jiġu lliberati wkoll dawk is-sodod meħuda mill-pazjenti li ma għandhomx bżonn jibqgħu Mater Dei filwaqt li l-Unit tal-Psikjatrija tmexxa għall-isptar Monte Karmeli.

Posposti wkoll operazzjonijiet mhux urġenti u appuntamenti fl-Outpatients

Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li qed jiġu pospoti diversi operazzjonijiet li mhumiex urġenti biex kemm jista' jkun ikun hemm sodod liberi f'Mater Dei.

"Meta tqis is-sodod ġodda, u s-sodod li qed nilliberaw, b'kollox se jkollna 600 sodda disponibbli," spjega Fearne.

Madanakollu assigura li l-operazzjonijiet ta' emerġenza, ksur jew inkella kanċer se jibqgħu jsiru xorta waħda.

Filwaqt li saħaq li huwa konxju li dan se jkun qed iżid il-lista tal-istennija għall-operazzjonijiet, wiegħed li meta tgħaddi din l-epidemija, is-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal fi żmien sitt xhur.

Apparti dawn, qed ikunu posposti xi appuntamenti tal-outpatients. It-tobba u l-ispeċjalisti qed jassessjaw l-appuntamenti biex jagħżlu liema appuntamenti jistgħu jiġu posposti.

Sodod ġodda fl-ITU l-ġdid ippreparat f'Mater Dei
Sodod ġodda fl-ITU l-ġdid ippreparat f'Mater Dei
Sodod ġodda fl-ITU l-ġdid ippreparat f'Mater Dei
Sodod ġodda fl-ITU l-ġdid ippreparat f'Mater Dei

Imħejjija ITU ġdid għall-pazjenti

Id-Deputat Prim Ministru qal li apparti żieda fid-domanda għas-sodod, kif x'ġara pajjiżi oħra, se jkun hemm żieda fid-domanda għal sodod fl-ITU.

Bħalissa l-ITU f'Mater Dei għandna 20 sodda.

Madanakollu, mil-lum se jkun hemm 14-il sodda oħra hekk kif ġiet imħejjija ITU ġdida. Qal li jista' jkun hemm 15-il sodda oħra disponibbli jekk żewġ dipartimenti oħra jitmexxew fl-ITU kurrenti.

Dan ifisser, li f'Mater Dei, mil-lum hemm 49 sodda disponibbli tal-ITU. Fil-jiem li ġejjin se jkun qed jasal l-apparat li kull sodda tal-ITU teħtieġ u apparat ieħor li jista' jtella' t-total ta' sodod tal-ITU għal 100.

F'Għawdex x'qed isir?

F'Għawdex, kompla jispjega Fearne, ġew illiberati 80 sodda.

Iżda saħaq li dwar il-preparamenti f'Għawdex se jispjega aktar fil-ġranet li ġejjin.

More in Politika