Għalissa l-Gvern mhuwiex se jmur għal-lockdown u mhux se jagħlaq l-ajruport

Il-Gvern jippreżenta pakkett ekonomiku biex jgħin lis-setturi turistiċi u tad-divertiment

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li sa issa l-pariri huma li l-pajjiż ma jmurx għal lockdown. "Lockdown huwa house arrest, nagħmluh għal tlieta jew tmien ġimgħat ... aħna nafu meta l-virus se jkun qed jilħaq l-ogħla punt tiegħu?"  Huwa qal li għalissa m'hemmx bżonn immorru għal din il-miżura, speċjalment bil-mod kif, skontu, il-virus qed ikun ikkontrollat. 

"Ejja nimxu mal-pariri tad-dipartiment tas-saħħa tagħna. Hemm sistema fejn min jasal mill-ajruport ikun screened," qal Abela li staqsa jekk xi ħadd hux se jiġi vaganza meta jaf li jrid joqgħod kwarantina obbligatorja.

Huwa qal li mill-bieraħ saru 20 spezzjoni fuq nies li kienu waslu u li suppost kienu fi kwarantina. "Ma nistgħux nagħmlu dar, dar ... iktar milli sorveljanza nixtiequ koperazzjoni. Li ngħid huwa li dan mhux il-mument li nieħdu l-affarijiet b'mod leġġer."

Hu appella biex anke min mhux obbligat ikun fi kwarantina u ġie minn xi safra fl-aħħar ġranet, għandu jibqa' d-dar. 

Iresssaq pakkett ekonomiku

Intant fl-istess konferenza l-PM ħabbar pakkett ekonomiku li jinkludi posponiment fil-ħlas tal-VAT u bolla -  kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-impjegaturi -  għal matul Marzu u April.  Kumpaniji li investew fit-teleworking se jingħataw rifużjonijiet fuq l-investimenti tagħhom. 

Dan il-pakkett ekonomiku huwa direzzjonat lejn il-qasam turistiku u tal-ospitalità, servizzi rikreazzjonali, trasparenza u xi industriji tal-manifattura. 

Dawn huma l-ewwel minn sett ta' miżuri li se jsiru hekk kif in-numru ta' persuni li qed jirriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus qed jiżdied. 

Abela ddeskriva dawn il-miżuri bħala 'b'saħħithom' u li se jkollhom effett pożittiv fuq in-negozju biex ikunu salvagwardjati l-impjiegi. "Mhumiex faċli imma l-ekonomija tagħna hija reżiljenti."

More in Politika