Coronavirus | Il-Kunsill Belti jħassar l-attivitajiet ta' Jum il-Belt u se jirrevoka l-permessi għal attivitajiet tal-massa

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qed jappella lill-istess stabbilimenti, speċjalment dawk tal-ikel u x-xorb, sabiex jimxu mar-regoli tas-seating capacity, skont il-permess mogħti lilhom mill-awtoritajiet

Il-Kunsill Lokali tal-Belt ħabbar li kkanċella l-attivitajiet kollha li kellhom isiru b'rabta ma' Jum il-Belt Valletta fis-27 u t-28 ta’ Marzu filwaqt li mhux se joħrog l-ebda permessi għal attivitajiet tal-massa u attivatijiet ġo pjazzez, jew attivitajiet oħra organizzati fi stabbilimenti kummerċjali.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qed jappella lill-istess stabbilimenti, speċjalment dawk tal-ikel u x-xorb, sabiex jimxu mar-regoli tas-seating capacity, skont il-permess mogħti lilhom mill-awtoritajiet.

Intant kull permess ieħor li mogħti mill-Kunsill Lokali u li japplika għall-jiem li gejjin, se jkun qed jiġi revokat b’seħħ immedjat.

"Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jappella lill-kulħadd, speċjalment lill-komunita kummerċjali tal-Belt Kapitali, sabiex f’dan il-mument partikolari kulħadd jikkopera u jimxi skont il-linji gwida li qed joħrog il-Gvern u d-Dipartiment tas-Saħħa. Aktar minn hekk, nappellaw lill-anzjani Beltin, li f’dan il-mument huma fost l-aktar vulnerabbli għal dan il-virus, sabiex jevitaw il-ħrug bla bzonn," saħqet l-istqarrija.

Din id-direttiva tgħodd sal-ewwel ġimgħa t’April.

More in Politika