'Il-faċilitajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna mhumiex inqas minn dawk fl-aqwa pajjiżi fl-Ewropa'

Il-President jinsisti li taħt ċirkostanzi normali, ir-rata ta’ dawk li jfiequ mill-coronavirus hija għolja ħafna

Il-President ta’ Malta George Vella appella lill-poplu biex isegwi d-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet, partikolarment dwar l-iġjene personali, safar mhux permess, u r-regolamenti biex jiġu evitati l-attivitajiet tal-massa.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President ħabbar ukoll li fuq talbiet tal-partijiet konċernati, numru ta’ laqgħat li kellhom isiru mal-President tħassru mid-djarju tal-President u ġew posposti għal data oħra.

Vella saħaq li l-pazjenti u l-familji tagħhom jinsabu fi ħsibijietu filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, lin-numru kbir ta’ professjonisti u nies tekniċi li qegħdin jerfgħu r-responsabbiltà li jippreparaw lil pajjiżna għal din l-imxija, jgħallmu lin-nies x’miżuri għandhom jieħdu, jindunaw kmieni kemm jista’ jkun b’min jimrad, u jagħtu dik l-attenzjoni, u kura meħtieġa kollha lil min jintlaqat minn din il-marda.

“Il-President jixtieq ukoll li l-poplu jifhem li l-faċilitajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna ma huma xejn anqas minn dawk fl-aqwa pajjiżi fl-Ewropa.  Dan qiegħed jingħad biex dak li jkun jagħmel kuraġġ u jifhem li anke fost dawk li jieħdu l-virus, taħt ċirkostanzi normali, ir-rata ta’ dawk li jfiequ hija għolja ħafna,” saħqet l-istqarrija.

Il-President esprima wkoll solidarjetà mas-settur kummerċjali ta’ pajjiżna, u setturi oħra, li qegħdin ikun affetwati b’mod negattiv minħabba l-impatt li dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna, u fil-pajjiżi ta’ madwarna, qiegħed ikollu fuq l-ekonomija ta’ Malta.

More in Politika