Coronavirus | L-MEA tipproponi shutdown bejn id-19 u l-24 ta' Marzu

Il-proposta tinkludi wkoll li jingħalqu l-iskejjel fl-istess perjodu

L-Assoċjazzjoni Maltija ta' Min Iħaddem qed tipproponi li jingħalqu l-iskejjel u anke jsir shutdown tal-postijiet tax-xogħol bejn id-19 u l-24 ta' Marzu u għalhekk qed issejjaħ laqgħa urġenti tal-MCESD biex tkun diskussa din il-proposta.

Fi stqarrija, l-MEA spjegat li qed tipproponi dan il-perjodu minħabba diversi raġunijiet. Nhar id-19 ta' Marzu hija festa pubblika u l-għada diversi skejjel ukoll mhux se jiftħu. 

Spjegat li dan ifisser shutdown ta' sitt ijiem u li minnhom se jkunu qed jittieħdu biss tlett ijiem mil-leave tal-ħaddiema. 

Fi kliemha, miżura bħal din tista' tnaqqas it-tixrid tal-coronavirus u dan jekk il-Maltin ikunu mħeġġa jibqgħu ġewwa kemm jista' jkun matul dan il-perjodu.

Insistiet li anke jekk se jkunu milquta n-negozju, l-impatt se jkun inqas mill-impatt li jista' jkollu t-tixrid tal-virus fuq l-istess negozju, apparti l-fatt li l-ħaddiema jkollhom tlett ijiem inqas leave. 

Kompliet tisħaq li l-għalliema jistgħu jikkompensaw għat-tnaqqis fil-ħin tal-iskola billi jżidu l-ħin f'Ġunju, meta normalment l-iskejjel ikunu bin-nofstanhari.

"Il-lukandi jibqgħu miftuħa iżda b'inqas ħaddiema, xi ħaġa li qed tiġri," saħqet l-MEA. 

Fi kliemha, din il-miżura tgħin lill-awtoritajiet biex ikunu jistgħu jimmoniterjaw aħjar it-tixrid tal-virus, filwaqt li l-ġenituri jkunu jistgħu jibqgħu ma' uliedhom matul dan il-perjodu li fih anke l-iskejjel ikunu magħluqa.

More in Politika