Coronavirus | Jitwaqqaf l-ivvjaġġar lejn l-Iżvizzera, Franza, Spanja u l-Ġermanja

Min se jasal minn dawn il-pajjiżi llum u anke mill-Italja fl-aħħar 14-il ġurnata jrid jagħmel kwarantina obbligatorja u min jinqabad mhux id-dar jeħel multa ta' €1,000

Il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbru waqt konferenza tal-aħbariijet li b'effett immedjat min-nofsilejl tal-lum, se jiefqu t-titjiriet kollha lejn l-Iżvizzera, Franza, Spanja u anke l-Ġermanja.

Apparti minn hekk, dawk kollha li waslu mill-Italja fl-aħħar 14-il ġurnata u minn se jasal minn dawn il-pajjiżi llum jew fis-sigħat li ġejjin, se jkunu kostretti jagħmlu kwarantina li issa hija obbligatorja.

Il-Prim Ministru qal li se jkunu qed isiru spot checks mill-Pulizija fuq dawn il-persuni u min ma jsegwix dawn ir-regoli se jeħel multa ta' €1,000 għal kull darba li ma jinstabx id-dar. Dan ifisser li l-kwarantina obbligatorja se ssir id-dar.

Il-kwarantina estiża wkoll għall-qraba u t-turisti

F'każ li persuna tgħix ma' persuni oħra, il-kwarantina mandatorja hija estiża anke għall-membri tal-familja li jgħixu taħt l-istess saqaf.

Fil-każ ta' turisti, il-kwarantina mandatorja trid issir fil-kmamar tal-lukandi.

Il-PM jappella biex l-anzjani ma joħorġux għalxejn mid-dar

Abela appella biex ma jsirx vjaġġar għalxejn lejn dawk il-pajjiżi li huma milquta waqt li appella wkoll lill-anzjani biex ma joħorġux għalxejn mid-djar tagħhom.

Intant, se jkunu qed isiru wkoll arranġamenti, kif saru fil-każ tal-Italja, biex il-persuni li jinqabdu f'dawn l-erba' pajjiżi, jinġiebu lura Malta minnufih.

Servizz għal dawk fi kwarantina obbligatorja

Il-Prim Ministru qal ukoll li se jkun qed jitnieda helpline biex jingħata servizz lil dawk il-persuni li jkunu fi kwarantina obbligatorja.

Dan bil-għan li dawn il-persuni jingħataw is-servizzi li jkollhom bżonn, fosthom bħal xiri ta' prodotti ta' ikel u anke mediċina.

'Lesti nieħdu aktar miżuri drastiċi' - Chris Fearne

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li sa issa, dawk kollha infettati bil-coronavirus f'Malta, ġabu dan minn barra minn Malta, kollha kemm huma mill-Italja.

Insista li jekk naslu f'punt li jkun hemm trażmissjoni tal-coronavirus f'Malta stess, il-Gvern jinsab lest biex jieħu miżuri aktar drastiċi.

Aqra wkoll:

More in Politika