'Is-servizz tas-saħħa mhux se jkampa jekk ħafna pazjenti jkollhom bżonn kura intensiva' - L-Anesteżisti

Għalhekk l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Anesteżisti qed tappella lill-Gvern biex jieħu miżuri drastiċi fosthom li jimponi kwarantina mandatorja fuq kull min jiġi mis-safar

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Anesteżisti ħarġet stqarrija li fiha qed turi t-tħassib tagħha għall-fatt li fi kliemha, jekk f’Malta, bħall-Italja, ikun hemm bżonn li ħafna pazjenti jingħataw kura intensiva, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa mhux se jkampa “minħabba nuqqas ta’ riżorsi.”

Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni qed tilqa’ u tagħmel tagħha wkoll il-proposti tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, fosthom biex tkun imposta kwarantina mandatorja fuq dawk kollha li jiġu minn barra minn Malta.

Fi kliemha, dawn il-miżuti ttieħdu f’pajjiżi oħra Ewropej li għandhom inqas każijiet minn Malta.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-awtoritajiet tas-saħħa mhumiex qed jagħtu l-parir biex il-kwarantina tkun waħda obbligatorja iżda insista li l-Gvern lest jieħu aktar miżuri jekk ikun hemm bżonn.

L-Assoċjazzjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-pubbliku biex jevita li jsiefer lejn pajjiżi li fihom hemm il-virus.

More in Politika