Coronavirus | Aktar minn 4,000 student tal-Ingliż iħassru l-vjaġġi tagħhom lejn Malta

Dan wara r-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern Taljan u Franċiż

Madwar 4,000 student Franċiż u Taljan ħassru l-vjaġġi tagħhom lejn Malta hekk kif kellhom jaslu fil-ġimgħat li ġejjin biex jistudjaw l-Ingliż, wara l-aħħar żviluppi dwar il-Coronavirus.

James Perry, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-iskejjel li jagħmlu l-Ingliż (FELOM) insista li hekk kif l-Italhja u Franza introduċew limitazzjonijiet fuq il-vjaġġi anke għal raġunijiet ta’ edukazzjoni, tħassru diversi bookings li kienu ilhom xhur li saru.

Iżda jista’ jkun li dan in-numru huwa wieħed konservattiv hekk kif fl-aħħar jiem l-Italja ordnat lockdown totali.

B’kollox, matul dawn ix-xhur, jaslu Malta madwar 45,000 student tal-Ingliż, filwaqt li matul is-sena kollha, dawn l-iskejjel jilqgħu madwar 87,000 student.

Fil-fatt jirriżulta li x-xhur ta’ qabel l-Għid huwa tipikament aktar popolari mal-istuedenti Franċiżi u Taljani.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar għal skop ta’ edukazzjoni fl-Italja għandhom jibqgħu fis-seħħ sat-3 ta’ April iżda fi Franza l-Gvern issospenda dan l-ivjaġġar b’mod indefinit.

Perry wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li dan kollu qed ikollu impatt kbir fuq dawn l-iskejjel. Saħaq li matul il-ġimgħa li għaddiet, l-assoċjazzjoni ppreżentat studju dwar l-impatt li dan kollu jista’ jkollu fuq l-iskejjel tal-Ingliż u talbet għall-għajnuna.

Bla dubju ta’ xejn dan mhux se jkollu biss impatt fuq l-iskejjel tal-Ingliż iżda anke fuq diversi stabbilimenti ta’ divertiment li jilqgħu wkoll lil dawn l-istudenti fil-ħinijiet liberu tagħhom.

More in Politika