Coronavirus | Ir-raba' pazjent kien fi kwarantina meta ħarġulu s-sintomi; L-aħħar dettalji f'Malta

Il-familja kollha tar-raġel qed tinżamm ukoll fi kwarantina f'Mater Dei

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, tat id-dettalji tar-raba' każ tal-Coronavirus f'Malta li għalih irriżulta pożittiv raġel ta' 49 sena, ta' nazzjonalità barranija li iżda jgħix u jaħdem f'Malta u li matul ix-xahar li għadda mar għal btala, flimkien mal-familja tiegħu f'Alto Adige.

Gauci spjegat li r-raġel u familtu waslu Malta fis-27 ta' Frar li għadda iżda hu u l-familja tiegħu bdew il-kwarantina wara jumejn u mhux mill-ewwel kif qed ikun irrakkomandat. Mistoqsija minn dan is-sit, Charmaina Gauci saħqet li r-raġel ġie mistoqsi fejn mar matul dawn il-jumejn u qed isir l-assessjar neċessarju.

"Nistgħu nassiguraw li f'dawk il-jumejn ma kellu l-ebda sintomi," spjegat Gauci hekk kif mill-informazzjoni li teżisti sa issa, il-virus jittieħed meta jibdew joħorġu l-ewwel sintomi tiegħu.

Gauci spjegat kif l-ewwel sintomi fuq dan ir-raġel dehru fil-5 ta' Marzu meta kellu d-deni. Ir-raġel għamel kuntatt ilbieraħ mad-Dipartiment u hekk kif irriżulta pożittiv huwa ttieħed Mater Dei u jinsab f'qagħda ta' saħħa tajba, fejn, skont Gauci, kważi ma għandu l-ebda sintomi.

Intant, il-familja tiegħu, is-sieħba u t-tifla, minkejja li ma għandhom l-ebda sintomi, ukoll qed jinżammu fi kwarantina fl-isptar Mater Dei fejn sarulhom it-testijiet u r-r-riżultati mistennija aktar tard illum.

"Meta ħarġulu s-sintomi huwa kien qiegħed id-dar u ma marx għax-xogħol, la hu u lanqas is-sieħba tiegħu. It-tifla lanqas ma marret skola," saħqet Gauci. Insistiet li l-aktar ħaġa importanti hija li meta ħarġulu s-sintomi, dan kien fi kwarantina.

Jidher li dan ir-raġel, fid-dar tiegħu, kellu kuntatt ma' żewġ persuni oħra, li ġew identifikati u dawn intalbu joqgħodu fi kwarantina obbligatorja fid-dar tiegħu.

Id-dettalji oħra tal-konferenza f'punti:

  • Testijiet: Saru 265 test fuq persuni li kellhom sintomi u li fl-aħħar jiem kienu f'postijiet ta' riskju għoli u 396 test ieħor fuq persuni li kellhom xi sintomi
  • Kwarantina: Jekk mort Marche jew Toscana trid tagħmel kwarantina ta' 14-il ġurnata wkoll
  • Attivitajiet tal-massa: Id-Deputat Prim Ministru għas-Saħħa u l-Ministru għas-Saħħa mistenni jindirizza l-Parlament fl-4:30pm
  • Helpline: 213240856 - qabel iċċempel żur is-sit covid19.gov.mt
  • Maltin maqbuda l-Italja: Helpline ieħor fl-Ambaxxata: 22042200

B'kollox kemm hemm persuni Mater Dei bejn pazjenti u kwarantina?

B'kollox hemm it-tifla ta' 12-il sena, liema tifla kienet l-ewwel pazjent tal-Coronavirus f'Malta u anke ż-żewġ ġenituri tagħha. Magħhom it-tifla l-oħra tal-koppja li ma għandha l-ebda sintomi u lanqas ma rriżultat pożittiva

Matul il-lejl li għadda ddaħħal ir-raġel ta' 49 sena u anke s-sieħba u t-tifla tiegħu.

Spjegat li sa issa ħadd minn dawn il-pazjenti ma kellhom bżonn jiddaħħlu l-isptar, iżda ttieħdet din id-deċiżjoni biex ikunu jistgħu jiġu segwiti minn viċin.

Fi kwarantina obbligatorja, iżda fid-dar tiegħu, hemm ukoll persuna oħra li kienet iltaqgħet ma' persuna li ħarġilha l-virus fiċ-Ċekja. Hemm ukoll iż-żewġ persuni li kellhom kuntatt dirett mar-raba' pazjent tal-coronavirus f'Malta.

X’għandek tagħmel biex tevita?

  • Evita kuntatt ma’ nies morda speċjalment b’sogħla
  • Evita li tmur f’postijiet fejn huma maqtula annimali (biċċeriji...)
  • Aħsel idejk kemm jista’ jkun b’mod frekwenti
  • Segwi r-regoli tal-iġene fl-ikel
  • Evita kuntatt dirett mal-annimali u l-ħmieġ tagħhom

Charmaine Gauci appellat ukoll biex wieħed jevita wkoll li jieħu b'idejn in-nies jew joqgħod viċin ħafna ta' persuni oħra.

More in Politika