Malta tagħlaq l-aċċess kollu mill-Italja għal Malta ... anke bil-baħar

Il-Gvern jagħlaq l-aċċess għal kull forma ta' trasportazzjoni mill-Italja għal ġo pajjiżna

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

 Il-PM Robert Abela, waqt konferenza fil-binja ta' Kastilja ħabbar illi Malta se twaqqaf kull forma ta' trasportazzjoni ta' nies dieħla Malta mill-Italja u dan jinkludi wkoll cruise liners, ajruplani u anke l-katamaran.

Abela ħabbar illi l-katamran se jiddaħħal biss għall-merkanzija imma mhux biex jidħlu nies.  Ħabbar ukoll li aktar tard dalgħodu waqt il-laqgħa tal-Kabinett se jkun diskuss kif se jinġiebu lura pajjiżna nies Maltin li issa huma maqbudin fl-Italja.

Huwa għadda messaġġ ta' kuraġġ lit-Taljani filwaqt li appella għall-kalma u trankwilità u sostna li m'hemm ebda lok ta' allarm.  "Għada jum normali ta' xogħol u skola," qal Abela.

Din il-konferenza seħħet wara żewġ żviluppi importanti: wieħed f'pajjiżna u ieħor fl-Italja.  F'pajjiżna tħabbar ir-raba' każ ta' pazjent bil-coronavirus illejla waqt li fl-Italja il-PM Giuseppe Conte estenda għall-Italja kollha r-restrizzjonijiet li fl-aħħar jiem daħlu fis-seħħ għar-reġjun tal-Lombardia u provinċji oħra.

Mistqosi dwar jekk ir-raba' pazjent ta' dan il-virus kienx fi kwarantina jew le,  Abela qal li l-Ministru Chris Fearne se jkun qed jitkellem dwar dan f'konferenza fil-ħinijiet li ġejjin.

 

More in Politika