Infermiera ordnati ma jersqux lejn pazjenti tal-coronavirus sakemm jingħataw l-ilbies protettiv

L-MUMN bi kliem iebes għall-Prim Ministru Robert Abela li ddeskrivietu bħala l-uniku Prim Ministru fl-Ewropa mingħajr strateġija għall-coronavirus.

L-Infermiera ngħataw struzzjonijiet mill-unjin li tirrappreżentahom, l-MUMN, biex ma jersqux lejn il-pazjenti tal-coronavirus jekk ma jingħatawx ilbies protettiv li jgħatti l-persuna kollha, inkluż ir-ras.

Waqt konferenza li saret dalgħodu, l-MUMN saħqet li l-infermiera u dawk kollha li se jintalbu biex jassistu pazjenti tal-Covid-19, għandhom jingħataw l-ilbies kollu protettiv li hemm bżonn.

Hija saħqet li sa issa, il-Gvern ipprovda biss lill-infermiera u lill-professjonisti l-oħra ġagagi normali mhux bħal dawk li qed jintużaw f’pajjiżi oħra milquta.

Kien għalhekk li l-unjin ħarġet din id-direttiva għall-membri tagħha waqt li talbet lill-Prim Ministru biex jintervjeni mal-Ministeru għas-Saħħa biex l-infermiera jingħataw l-ilbies protettiv neċessarju.

“L-MUMN trid tfakkar li fil-Lombardija, fl-Italja, fejn l-infermiera ngħataw biss ġagagi normali, 10% tal-infermiera spiċċaw infettati,” saħaq il-President tal-MUMN, Paul Pace.

Kompla jisħaq li l-infermiera u l-MUMN qed jitħallew fid-dlam dwar il-pjan ta’ kontinġenza li tħejja mill-awtoritajiet.

L-MUMN ordnat ukoll lill-membri tagħha biex ma jipprovdu l-ebda lectures jew inkella preżentazzjonijiet lill-istaff tagħhom sakemm jingħataw l-ilbies kollu meħtieġ.

“L-MUMN issa tistenna li Charmaina Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, fl-aġġornament ta’ kuljum, tirrikonoxxi li Malta mhijiex ippreparata biex tlaħħaq mat-tixrid tal-virus minħabba din id-direttiva li tolqot 4,000 membru,” insista Pace.

'L-uniku PM fl-Ewropa mingħajr strateġija'

L-MUMN kellha wkoll kliem iebes għall-Prim Ministru Robert Abela u ddeskrivietu bħala l-uniku Prim Ministru fl-Ewropa mingħajr strateġija għall-coronavirus.

Saħqet li Abela mhux qed jagħti biżżejjed importanza lil din l-isfida waqt li tenniet li għal kuntrarju tal-Prim Ministri l-oħra Ewropej lanqas biss iltaqa’ mal-infemiera u l-unjins biex jisma’ t-tħassib tagħhom.

Nhar is-Sibt li għadda, Malta rreġistrat l-ewwel tliet pazjenti bil-coronavirus, jiġifieri tifla 12-il sena u l-ġenituri tagħha.

Dawn kienu jinsabu fi kwarantina wara li waslu Malta mill-Italja u l-kuntatt tagħhom ma’ persuni terzi kien wieħed minimu.

Aqra wkoll:

'Mhux business as usual' - Il-MAM tappella għas-sospensjoni tat-titjiriet miż-żoni Taljani taħt kwarantina

More in Politika