Il-PM Abela jħabbar it-twaqqif ta' kumitat li se jipproponi bidliet fil-qasam tal-kostruzzjoni

Dan il-kumitat se jkun magħmul mill-Imħallef Emeritus Lawrence Quintano, Adrian Mifsud, Mario Cassar u l-avukat Mark Simiana

Meta kien qed jitkellem f'Kastilja l-Prim Ministru Robert Abela qal illi dak li ġara fl-inċident fil-Ħamrun - li ħalla mara bla ħajja - ma jistax jerġa jseħħ u għalhekk ħabbar illi se jwaqqaf Kumitat b'diversi funzjonijiet fosthom biex jara l-qafas regolatorju hux biżejjed imma wkoll li jfassal ħarsa lejn il-metodi u s-sigurtà fil-qasam tal-kostruzzjoni. 

"M'inix qed nara l-bżonn ta' moratorju.  Jekk ma jsirux abbużi biex nirbħu sal-aħħar pulzier ma jkollniex inċidenti simili," qal Abela fi tweġiba għall-mistoqsija ta' dan is-sit.

Dan il-kumitat se jkun magħmul mill-Imħallef Emeritus Lawrence Quintano, Adrian Mifsud - lekċerer u inġinier ġeotekniku, Mario Cassar li huwa espert tal-Qorti u l-avukat Mark Simiana. 

"Kostruzzjoni tista' ssir, sakemm l-affarijiet isiru bil-galbu, sakemm it-tekniċi jgħidu li hemm sigurta u sakemm il-periti ma jkunux sħab fil-proġett ..."

Dak ta' din il-ġimgħa kien ir-raba' u l-agħar inċident ta' waqa' ta' bini f'sena, hekk kif ħalla lil Miriam Pace bla ħajja.  Pace kienet se tagħlaq 55 sena nhar il-Ħad li ġej.

 

 

 

More in Politika