'Ir-residenti ostaġġi ta’ grupp ta’ żviluppaturi' - Graffitti bi protesta nhar is-Sibt li ġej

Il-protesta se tibda fl-10.30am minn quddiem il-Kulleġġ tas-Subien St Thomas More, f’Santa Venera

Il-Moviment Graffitti qed jorganizza protesta nhar is-Sibt li ġej filgħodu kontra dak li qiegħed isejjaħlu bħala “traskuraġni mil-lobby tal-kostruzzjoni,” u li ħasad il-ħajja ta’ Miriam Pace, l-omm li spiċċat mirduma taħt dik li kienet id-dar tagħha. Il-Moviment qiegħed jippreżenta wkoll numru ta’ proposti bil-għan li inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu

Il-protesta se tibda fl-10.30am minn quddiem il-Kulleġġ tas-Subien St Thomas More, f’Santa Venera u se timxi lejn is-sit tat-traġedja fejn se jsiru xi diskorsi.

“Ir-residenti u ċ-ċittadini jinsabu ostaġġi ta’ grupp ta’ żviluppaturi li jqis ruħu ‘l fuq mil-liġi u li għandu kontroll assolut fuq il-politika, min jagħmilha, u l-awtoritajiet li suppost jamminstrawha,” saħaq il-Moviment fi stqarrija.

L-attivisti insistew li huwa dan il-lobby li kontinwament qed iwaqqaf ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni “u tinsisti li l-profitt tagħha, mhux id-deċenza, hija l-iktar valur importanti.”

“In-nuqqas ta’ infurzar fis-settur, il-liġijiet difettużi, il-libertinaġġ assolut fl-ippjanar, in-nuqqas ta’ sikurezza fis-siti tal-kostruzzjoni, u l-arroganza u l-prepotenza ta’ din il-lobby huma r-riżultat ta’ snin u snin ta’ donazzjonijiet u pressjonijiet fuq il-politika,” insista l-Moviment.

L-attivisti insistew li huma ilhom jisħqu li l-inċidenti kienu se jibqgħu jseħħu għaliex din ir-riforma, fi kliemhom,bl-ebda mod ma indirizzat il-problemi strutturali f’din is-sistema.

Propju għalhekk li l-Moviment qiegħed iressaq numru ta’ proposti u li, fost oħrajn tintroduċi l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-iżviluppaturi, kif ukoll sistema ta’ punti u blacklisting.

Dawn huma l-proposti fid-dettall tal-Graffitti:

Ir-reġistrazzjoni tal-Kuntratturi

  • Ir-regolamentazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-kuntratturi. Jeħtieġ li jinħoloq reġistru tal-kuntratturi bi kriterji għal-liċenzjar u l-klassifikazzjoni ta’ kull kuntrattur, filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali sabiex żviluppaturi jagħmlu kuntratti formali ma’ kuntratturi tal-bini għandhom ikunu stretti u jiġu infurzati biex tkun aċċertata l-kontabilità; 
  • Il-ħolqien ta’ reġistru mmexxi mill-gvern ta’ kumpaniji ta’ żviluppaturi u kuntratturi, li effettivament jirrevoka l-ftehim bejn l-MDA u l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (BRO) għall-amministrazzjoni ta’ dan ir-reġistru;
  • Il-ħolqien ta’ sistema ta’ lmenti pubbliċi u ta’ reġistru ta’ dawn l-ilmenti sabiex tiġi żġurata t-trasparenza, u meta jiġu murija lmenti ripetuti, dawn għandhom iwasslu sabiex kuntrattur/żviluppatur jiġi blacklisted, permezz ta’ sistema ta’ punti penali.

Ħruġ ta’ Permessi 

  • In-numru ta’ pemessi esegwiti fl-istess ħin f’żona partikolari għandu jkun limitat. Fejn il-permessi jinvolvu makkinarju u vetturi goffi għal skopijiet li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, xogħal ta’ skavar jew twaqqigħ ta’ bini, għandu jkun impost dewmien adegwat għall-bidu tax-xogħlijiet sabiex ir-residenti ma jbatux l-inkonvenjenzi mill-ammont eċċessiv ta’ kostruzzjoni fl-inħawi fejn jgħixu;
  • Limitu fin-numru ta’ toroq magħluqin u postijiet tal-parkeġġ misruqa mir-residenti.

Saħħa u Sigurtà

  • Sett ta’ liġijiet li jimponu standards diċenti sabiex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fl-inħawi qrib siti ta’ kostruzzjoni;
  • Infurzar serju tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni sabiex tingħata, mingħajr eċċezzjoni, protezzjoni u dinjità kemm lill-ħaddiema kif ukoll lir-residenti;
  • Emenda fil-liġi sabiex ma jkunx permess li jsir xogħol ta’ kostruzzjoni għal aktar minn tmien sigħat matul il-ġurnata, u li dan ma jibdiex qabel it-8.00 ta’ filgħodu;
  • L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-kumpens għat-telf ta’ propjetà jew kontenut, kif ukoll appoġġ legali, psikoloġiku u loġistiku lir-residenti affetwati minn inċidenti, għandhom jitħallsu minn fond sakemm tiġi stabbilita r-responsabbiltà b’mod legali. Kull min jinstab responsabbli, ikun obbligat li jħallas lura l-ispejjeż kollha maħruġa minn dan il-fond; 
  • Awditjar kontinwu tas-siti kollha tal-kostruzzjoni attivi;
  • Għandha ssir valutazzjoni tar-riskju fl-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' materja partikulata; 
  • Kwalunkwe spejjeż raġjonevoli li jagħmlu r-residenti sabiex jiżguraw is-sigurtà tagħhom għandhom jitħallsu mill-iżviluppatur. 

Drittijiet tal-Ħaddiema 

  • L-għoti ta’ riżorsi adegwati lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) u lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) biex jiżguraw li l-ħaddiema tal-kostruzzjoni ma jkunux sfruttati. L-isfruttament tal-ħaddiema trid tkun penalizzata sew u l-kuntratturi li jisfruttaw lill-ħaddiema għandha tittieħdilhom il-liċenzja biex joperaw;
  • L-impjegaturi fl-industrija tal-kostruzzjoni għandu jiġi obbligat bil-liġi li jħallas għall-assigurazzjoni kontra l-inċidenti tal-ħaddiema tagħhom. Din il-miżura:  tiżgura li l-ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol jirċievu kumpens fi żmien qasir; tqiegħed ir-responsabbiltà fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi biex jirrispettaw l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, peress li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni    mhumiex se jaċċettaw li ħallsu kumpens meta t-talbiet ikunu jikkonċernaw siti ta’ kostruzzjoni li ma jikkonformawx ma’ dawn l-istandards.

More in Politika