Għexieren ta' residenti Nadurin mbeżża' hekk kif jirċievu ittra li tgħidilhom li darhom mhux tagħhom

Residenti minn Nadur jgħixu fil-biża' li jitilfu darhom

Għexieren ta' residenti minn Nadur jinsabu mwerwrin hekk kif irċevew ittra li tgħidilhom illi l-art li fuqha inbniet id-dar tagħhom hija ta' familja partikolari - werrieta ta' Richard Stagno Navarra - u li għaddiet għand dawn permezz tal-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Artijiet. 

Ir-residenti li jlaħħqu l-għexieren, jgħid mas-sit illum.com.mt is-Sindku tan-Nadur Edward Said, huma mwerwrin u qed imorru għandu u għand il-Kunsill hekk kif jinsabu fid-dlam dwar kif ġara li ġara u kif inżammu fid-dlam dwar il-proprjetà tagħhom u l-art li mibnija fuqha.

Jidher, mill-ewwel informazzjoni li qed tasal għand dan is-sit li l-art spiċċat għand il-werrieta li issa bagħtu lir-residenti jgħarrfuhom b'din is-sitwazzjoni, prattikament iċaħdu lil numru mdaqqas ta' residenti mid-dritt li jagħmlu li jixtiequ bil-proprjetà tagħhom.  Din l-art jidher li kienet tal-Knisja u għaddiet għand dawn il-werrieta.  Jidher ukoll illi dawn qed jitolbu dawn il-proprjetajiet lura fuq il-bażi ta' dokumenti li jmorru lura għall-1600.

Sorsi qalu li xi bdiewa, fuq dawn l-artijiet, waqfu jaħdmu l-art filwaqt li lil oħrajn qalulhom li jew iħallsu jew jitilfu darhom.

Intant f'messaġġ li kiteb fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu s-Sindku tan-Nadur Edward Said sostna illi fl-aħħar jiem kellmuh ħafna residenti dwar registrazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet ta' partijiet kbar minn Nadur.

"Nifhem il-preokkupazzjoni ta' dawn ir-residenti li permezz ta' din ir-reġistrazzjoni qed jaraw l-għaraq ta' xbinhom jiġi mhedded minn persuni li probabbli lanqas biss jafu fejn hu in-Nadur aħseb u wara kemm jafu li din l-art hija taghhom."

Huwa qal li bħala Sindku se jkunqed jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa.

Intant illejla se ssir laqgħa tal-Kunsill Lokali, li fiha din il-kwistjoni mistennija titqajjem.

Intant Karl Stagno Navarra iċċara li hu mżgħandu xejn x'jaqsam ma' dan il-każ u dan wara li kien hemm min ħaseb li hu wieħed mill-werrieta.

 

More in Politika