'Mhux se naċċetta tkaxkir tas-saqajn ... min naqas irid jieħu li ħaqqu' - Il-PM

Il-Prim Ministru jinsisti li se jibqa' jiġri wara l-Korp tal-Pulizija sakemm tintrefa r-responsabbilità

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li se jibqa’ jiġri wara l-Korp tal-Pulizija biex kull min naqas iħallas mhux b’sentenza ħafifa, iżda skont dak li ħaqqu.

Abela qal dan waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament wara li lbieraħ, Miriam Pace ttellgħet bla ħajja mit-terrapien ta’ dik li kienet id-dar tagħha.

Il-Prim Ministru, filwaqt li wera s-solidarjetà tiegħu mal-familja Pace, waqt li fakkar li dan kien ir-raba’ każ ta’ djar li kkollossaw biswit siti ta’ kostruzzjoni, insista li l-poplu qed jistenna minnu soluzzjonijiet u mhux li jesprimi niket.

Kien għalhekk li Abela insista li se jkun qed jinsisti li tintrefa’ r-responsabbilità minn kull min naqas. 

Filwaqt li rrifletta fuq l-aħħar każijiet, insista li l-istituzzjonijiet ħadmu bil-mod. 

“Saru inkjesti maġisterjali li ħadu tul ta’ xhur. Tul ta’ xhur mhux aċċettabbli f’każijiet bħal dawn. Hemm żewġ każi li ħadd għadu ma refa’ responsabbilità għalihom,” insista l-Prim Ministru. “Mhux se nittollera aktar impunità.”

Filwaqt li saħaq li min għandu l-permessi għandu dritt li jiżviluppa, bl-istess mod huwa “dritt sagrosant” ta’ kulħadd li jgħix fil-kwiet ta’ dahru.”

Waqt li fakkar li hemm sitt persuni arrestati wara t-traġedja tal-bieraħ, inkluż il-kuntratturi u l-perit, il-Prim Ministru saħaq li “kull min naqas ilbieraħ, irid jerfa’ r-responsabbilità.”

“Mhux se nittolera xi sitwazzjoni fejn xi ħadd ikaxkar is-saqajn. Fejn il-Pulizija tgħid li hemm inkjesti pendenti...” saħaq Abela waqt li insista li jekk dan iseħħ ikun sinjal ta’ diżrispett għall-memorja ta’ Miriam Pace.

Kien hawn li Abela insista li se jkun qed jerfa’ fuqu r-responsabbilità u jassigura li r-riforma ssir. Fi kliemu, anke jekk ir-regolamenti li daħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur kienu tajbin, hemm bżonn iżjed riformi, partikolarment mill-aspett ta’ infurzar.

“Jien kommess biex dak li seħħ ilbieraħ ma jerġax jiġri,” kompla Abela.

Appella wkoll għas-serjetà, waqt li insista li għandu jkun hemm distakk bejn il-professjoni u n-negozju u mhux il-perit ikollu wkoll sehem mill-ispett proġett.

“Ħadd mhu qed jgħid li rridu noqtlu l-industrija. Iżda hemm mod u mod kif isiru l-affarijiet,” insista l-Prim Ministru.

Għabba bir-responsabbilità lill-industrija u appellalha biex tkun responsabbli u tassigura li x-xogħol isir skont l-arti u s-sengħa.

Fi kliemu, jekk dan ma jseħħx, se jidħol il-Gvern u jittieħdu miżuri li jekk hemm bżonn ikunu drastiċi.

Aqra hawn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni

More in Politika