'Irridu niddeċiedu Miriam hux se tkisser is-sistema jew hux se nħallu s-sistema tkisser lilha'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jgħid li Miriam Pace hija vittma ta' sistema li falliet

Adrian Delia
Adrian Delia

Meta kien qed jgħaddi l-messaġġ tiegħu fil-Parlament f'seduta li llejla waqfet kmieni bħala sinjal ta' rispett lejn Miriam Pace, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Miriam hija vittma ta' sistema li falliet. "Irridu niddeċiedu, jekk Miriam hux se tkisser din is-sistema darba għal dejjem, jew inkella hux se nħallu s-sistema tordom lil Miriam, bħalma ġara lbieraħ."

Delia, liebes ingravata sewda bħala sinjal ta' luttu, qal illi rridu nammettu li s-sistema ta' governanza tnawwret, ir-regolamenti ddgħajfu "u fejn ma stajniex indgħajfu l-liġijiet dgħajjifna l-istituzzjonijiet u fejn ma stajniex indgħajfu l-istituzzjonijiet ddaħlu nies biex idgħajfuhom huma," sostna Delia.

"Min suppost iħares il-liġi spiċċa kriminal hu," allega Delia li kompla jgħid illi llum inħolqot sitwazzjoni li tagħmilha ħafna aktar faċli biex kulħadd iwaħħal f'denbu waqt li l-partiti jibqgħu jieħdu flejjes minn negozjanti kbar."

Huwa qal illi hemm bżonn li tinqata' kull forma ta' rabta bejn negozjanti kbar u l-partiti u dan jeħtieġ isir billi, skont Delia,  ikun hemm finanzjament statali tal-partiti u b'hekk jinqata' l-bżonn ta' donazzjonijiet  - li jistgħu jsiru bi stennija ta' xi ħaġa lura.

Huwa qal li hemm bżonn li jiżdied l-infurzar kif ukoll li jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex l-istituzzjonijiet ikunu verament ħielsa.
"Għallinqas il-mewt ta' Miriam tkun swiet ta' xi ħaġa ... biex ħadd ma jerġa jgħaddi minn dak li għaddejja minnu llum l-familaja ta' Pace."

Aqra hawn hawn dak li qal il-Prim Ministru

More in Politika