Ritratti | Miexi x-xogħol fuq il-ħolqien tal-ewwel Pjazza fil-Pietà

Ix-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €1 miljun

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, dalgħodu żar ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq Pjazza San Luqa, l-ewwel pjazza fil-Pietà.

Ix-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €1 miljun.

Il-Ministru Borg spjega kif dan is-sit li għal tant snin kien mitluq u li kien iservi bħala roundabout, ser ikun qed jara trasformazzjoni totali sabiex fl-aħħar ikun ta’ użu għar-residenti ta’ din il-lokalità.

Pjazza San Luqa se tkun qed tinkludi għadd ta’ siġar u l-pjanti, parkeġġ aktar organizzat, ħolqien ta’ bus lane biex tgħin fl-andament tat-traffiku, tagħmir ġdid u anke servizzi anċillari oħra bħal faċilitajiet sanitarji ġodda u aċċessibli għal persuni b’diżabilità, b’bankini ġodda minbarra x-xogħlijiet fit-triq tal-madwar.

“Konxji li dan il-kunsill bħal ħafna oħrajn m’għandux il-fondi biex jagħmel tali investiment u għalhekk Infrastructure Malta qed tgħin sabiex il-gvern ikun jista’ jwassal spazju miftuħ ġdid u mħaddar f’lokalità li tbati anke mill-isfidi ta’ konġestjoni u finalment spazju bil-faċilitajiet kollha neċessarji,” saħaq il-Ministru.

 Min-naħa tiegħu, is-sindku tal-lokalità Keith Tanti spjega kif il-kunsill mexa anke fuq mudell finanzjarju speċifiku bl-inklużjoni ta’ kamra ċkejkna li ser tintuża bħala kafetterija sabiex bid-dħul l-istess kunsill ikun jista’ jmantni dan il-proġett.  

 

More in Politika