Bżonn kbir li tagħti! Iċ-ċentru jeħtieġ 50 borża demm kuljum

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jeħtieġ 50 borża demm kuljum u riserva ta’ ħamest ijiem biex tkun tista’ tintlaħaq id-domanda.  Imma din id-domanda mhix qed tintlaħaq. Kun int parti mill-għajnuna ....

Din  il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM kellha l-privileġġ li tqatta’ ftit tal-ħin fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm. Hekk kif tidħol f’dan iċ-ċentru, tħoss ambjent jilqgħek, saħansitra tara ħajt  kbir mimli kartolini ta’ ringrazzjament mingħand il-pazjenti li rċevew id-demm. Mill-ewwel tirrealizza l-ġid li joħroġ minn dan il-post u aktar minn hekk in-neċessità ta’ kull donazzjoni. 

Kull persuna li tidħol, tara fuq wiċċha ħarsa determinata, determinazzjoni biex tgħin. Hija sensazzjoni li jekk wieħed ma jżurx dan iċ-ċentru ftit li xejn jista’ jħoss. Iktar minn hekk, is-sodisfazzjon u l-kburija li jinħassu wara li wieħed jagħti d-donazzjoni tiegħu huma kbar. 

L-ewwel ħsieb kien ‘Alla jbierek kemm hawn donaturi’ -  imma ma stajtx kont aktar żbaljat minn hekk. Għalkemm madwar 40 persuna tagħti d-donazzjoni tagħha kuljum dan mhuwiex biżżejjed, anzi lanqas jibda mad-domanda. L-ideali huwa li l-provvista tkun imqar ta’ ħamest ijiem, madanakollu r-riżerva bħalissa hija baxxa immens, tant li lanqas isservi għal jumejn. Dan kien xokk kbir, u kien hawnhekk li flimkien mat-Tabib Alex Aquilina bdejna niddiskutu anke r-riskji ta’ dan in-nuqqas.  

‘Hemm bżonn 50 borża demm kuljum’

Fil-fatt Aquilina jgħid illi b’kollox il-fornitura tad-demm għandha tkun ta’ 50 borża kuljum.  

“Dan ikun jeħtieġ bejn wieħed u ieħor bejn 60 u 70 donatur.  Xi ġranet jiġu aktar imma mbagħad f’xi ġranet jiġu inqas.  Meta jiġu 30 jew 35 donatur kuljum tispiċċa b’inqas,” sostna.

Huwa qal li minimament iċ-ċentru jeħtieġ ikollu riserva ta’ tlett ijiem f’demm, għalkemm l-ideali huwa ta’ ħamest ijiem.

“Ġieli kellna riserva ta’ ġurnata waħda biss u ġieli inqas ukoll. U meta jiġri hekk ikollhom jiġu posposti ċerti operazzjonijiet li mhumiex urġenti u li jkunu jeħtieġu d-demm,” isostni b’xi ftit ta’ dieqa wkoll it-tabib. 

Jammetti li din tfisser kedda għall-pazjenti, imma jekk ma jkunx hemm donaturi m’hemmx mod ieħor kif iġġib id-demm. 

Demm minn barra: ikkumplikata u għalja

Din il-gazzetta tistaqsih jekk f’każi urġenti jinġiebx demm minn barra. 

“Iva possibbli. Imma biċċa xogħol kbira għalhekk l-ideali jibqa’ minn Malta,” jisħaq Aquilina li jkompli jispjega kif jista’ jkun hemm ċirkostanzi ta’ inċidenti kbar fejn ikun hemm bżonn li jinġieb demm minn barra. 

Isemmi l-inkwiet fil-Libja li wassal biex bosta pazjenti Libjani ġew jieħdu l-kura Malta u jgħid illi dakinhar kważi kien hemm il-bżonn li d-demm jinġieb minn barra.

“Hija biċċa xogħol ikkumplikata u fiha spiża kbira għall-pajjiż.”

Meta tisma’ appell fuq l-aħbarijiet ifisser li s-sitwazzjoni hija gravi

Xi jkun ir-risposns ġenerali meta jsiru sejħiet għad-demm, pereżempju fuq il-gazzetti jew l-aħbarijiet? 

Huwa jirispondi mill-ewwel u jgħid li meta wieħed jisma’ l-appelli fuq l-aħbarijiet ikun ifisser li s-sitwazzjoni hija gravi tant li tista’ taffettwa ħajjet in-nies. “Ikollna sitwazzjoni fejn pereżempju jkollna bżonn 10 jew 15-il borża demm u ma jkollniex.”

“Demm tat-tip A+ bħalissa lanqas għandna riserva ta’ jum wieħed,” jgħid mal-ILLUM it-tabib bħal donnu biex jixgħel l-allarm għal aktar nies b’dan it-tip ta’ demm, biex jagħtu. 

X’inhuma r-rekwiżiti biex persuna tkun tista’ tagħti d-demm?

It-tabib Alex Aquilina jgħid illi l-ewwel u qabel kollox hemm bżonn li persuna tkun residenti Malta, imma mhux neċessarjament Maltija u dan fil-każ ta’ bżonn li tkun intraċċata l-persuna. 

It-tieni nett jekk tkun barrani u ġej minn pajjiż fejn ċertu mard, bħal malarja u mard endemiku, ma tkunx tista’ tagħti demm lanqas -  għax jekk ma tkunx marid int jista’ jkun tkun carrier tal-marda, jiġifieri ma tkunx marid, imma tista’ tgħaddi l-marda.

Huwa kompla jispjega kif anke dawk li għadhom ġejjin mis-safar ma jistgħux jagħtu awtomatikament jekk ikunu ġejjin minn ċerti pajjiżi fejn ikun hemm il-mard. F’xi każi jkollhom jgħaddu numru ta’ ġranet biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm.

Irġiel omosesswali u l-għoti tad-demm

U finalment hemm donaturi omosesswali.  Dawn issa jistgħu jibdew jagħtu d-demm imma jkunu jeħtieġu jgħaddu minn aktar saffi.  Għaliex? 

“Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd li l-inċidenza hija ogħla fost irġiel omosesswali. Imma huwa fatt ukoll li mhux kulħadd għandu l-istess livell ta’ riskju.”

Għal dan il-għan inġieb apparat ikkofinanzjat mill-pajjiżi tal-EEA, liema apparat jiswa €300,000 fis-sena biex jintuża. 

Huma fakkru li ma jinżammux rekords tas-sesswalità ta’ persuna, allura ma jkunx jista’ jgħid jekk fil-fatt kienx hemm xi numru kbir ta’ persuni LGBTIQ li taw id-demm. 

Fatti dwar l-għoti tad-demm

  • Raġel jista’ jagħti d-demm kull tliet xhur
  • Mara tista’ tagħti kull erba’ xhur, minħabba li jkollha telf ta’ demm naturali
  • L-etajiet jistgħu jvarjaw għalkemm ġeneralment tista’ tagħti demm jekk ikollok bejn 18 u 66 sena
  • L-etajiet jistgħu jinbidlu skont fatti ta’ saħħa u żviluppi f’ħajja aktar sana
  • Madwar 10,000 persuna jmorru jagħtu d-demm darba fis-sena
  • Is-sena l-oħra marru jagħtu d-demm madwar 17,000 persuna

‘Ħadd m’għandu għalfejn jibża’ jagħti’

Iltqajna ma’ diversi donaturi fosthom Maria Vassallo u Eman Abela, studenti ta’ 20 sena li jagħtu d-demm b’mod regolari. Kemm Maria kif ukoll Eman saħqu l-importanza ta’ dan il-ġest. Għalkemm forsi jkollhom xi ftit tensjoni sa ma jmorru  jagħtu d-demm, huma spjegawlna s-sens ta’ sodisfazzjoni li jħossu wara li jagħmlu dan il-ġest nobbli. Maria, li tat it-tielet donazzjoni tagħha, spjegat kif l–aktar li ħeġġiġha tagħti d-demm kien meta persuna qrib tagħha, waqt li qed twelled, ġiet bżonn id-demm biex ma jintilfux il-ħajja kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija. Dan l-episodju spira lil Marija biex ta’ kull erba’ xhur tagħti d-demm. 

Eman, li ilu jagħti d-demm mill-età ta’ 17-il sena, spjega kif huwa ta’ sodisfazzjon li kull għotja tgħin biex issalva l-ħajja ta’ tlieta min-nies. Maria ttemm b’appell li “ħadd m’għandu għalfejn jibża’ jagħti, mhux proċess tal-biża’, l-aktar meta tirrealizza kemm qed tgħin.” 

Iltqajna wkoll ma’ Lourdes Damato li ilha tagħti d-demm minn meta kellha 18-il sena. Immorru lura ftit fiż-żmien, madwar 44 sena, meta Lourdes, b’ton nostalġiku, tiftakar fl-ewwel darba li tat id-demm, dak iż-żmien il-Furjana. Kienet marret għall-ewwel darba m’ommha u minn dakinhar qatt ma waqfet, ħlief tul it-tqala. Kienet sorpriża ħelwa li kellu jkun propju dakinhar tal-50 donazzjoni tagħha li kellna niltaqgħu magħha. Lourdes għamiltha ċara li “meta jgħaddu l –erba’ xhur nagħmel mezz u nara kif niġi.” Din id-determinazzjoni nistgħu ngħidu li hi komuni fost diversi donaturi li tassew jifhmu l-bżonn ta’ dan il-ġest nobbli. B’onsetà, Lourdes qalet kif dan tagħmlu tassew minn qalbha. 

Donatur ieħor li ltqajna miegħu  kien John Paul Muscat, għalliem li wkoll ma  jitlifx darba milli jagħti d-demm u ilu jagħmel dan mill-2015. John Paul jispjega kif  kull tliet xhur jagħżel jagħti d-donazzjoni tiegħu. B’ton pjuttost kiebi, jiftakar f’meta kellu inċident bil-karozza. Huwa jispjega kif li kieku kien bilqiegħda fuq in-naħa tal-passiġġier, ħajtu kienet tkun imdendla. Dan l-inċident fetaħlu għajnejh sabiex jibda jagħti d-demm. Wara kull donazzjoni, iħossu kburi u aktar immotivat biex jibqa’ jagħti. “Bħalma nħossni obbligat immur għax-xogħol inħossni obbligat nagħti d-demm.”

More in Politika