L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-bini ta' moll privat u kontroversjali fil-bajja tal-Balluta

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet indikat li dan il-proġett mhux se jkun approvat 

Fl-aħħar ħim, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ moll privat fil-Bajja tal-Balluta, liema applikazzjoni saret mill-Fortina u sabet ir-reżistenza ta’ numru ta’ NGOs u mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

Dan il-proġett se jkun qed jipprovdi għall-bini ta’ moll privat għal servizz ta’ hop-on-hop-off fil-baħar, liema servizz se jkun ipprovdut mil-lukanda Fortina.

Fl-ewwel reazzjoni għal din id-deċiżjoni, il-Moviment Graffitti, li kien voċiferu kontra l-proġett, iddeskriva l-laqgħa ta’ dalgħodu bħala waħda “surreali,” b’diversi attivisti jgħajtu “korrotti” malli ngħata l-permess.

Saħaq li t-tliet membri tal-Kummissjoni ddefendew l-applikazzjoni “daqsikieku kienet tagħhom.”

Insista li l-membri naqsu milli jwieġbu għaliex qed jinjoraw il-policies li ċar u tond ma jippermettux il-bini ta’ ferry landings f’postijiet tal-għawm.

Fil-fatt, xahar ilu, il-Kummissjoni tal-Ippjanar kienet indikat li dan il-proġett mhux se jkun approvat, fosthom minħabba din l-istess policy. Il-Kummissjoni kienet talbet lill-uffiċjal tal-każ, li kien irrakkomanda l-approvazzjoni tal-proġett, biex jiġbor ir-raġunijiet għaliex dan il-proġett ma għandux ikun approvat.

Issa, ma’ dan il-moll, se tkun tista’ torbot dgħajsa ta’ 33 metru.

More in Politika