'Bil-flus li ta lill-VGH il-Gvern kien jagħti ċekkijiet ta' €400 kull sena lill-familji'

Adrian Delia jisħaq li l-PN jemmen li l-isptarijiet għandhom jibqgħu tal-Maltin u mhux f'idejn kumpaniji barranin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

"Pajjiżna theżżeż bi skandlu ieħor meta l-ex CEO tal-Vitals Ram Tumuluri ta lilu nnifsu bonus ta' €5 miljuni mill-flus tan-nies. Bonus li ngħata ftit xhur qabel mal-Vitals żarmat u biegħhet il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward. Din hija konferma oħra li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna riedu li dan il-kuntratt ifalli u kien intiż li jfalli sa mill-bidunett biex ikun hemm min jagħamel il-miljuni minn fuq il-flus tal-familji Maltin u Għawdxin." Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM. 

Delia qal li meta ma għamlu l-ebda tip ta' investiment fl-isptarijiet jew sabiex itejbu s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna, Steward kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex jingħataw €18 miljun oħra mill-flus tan-nies. Fakkar illi dan wara li l-midja żvelat ittra li Steward bagħtu lil Robert Abela fejn qegħdin jgħidu li jridu iżjed fondi, u għal dawn id-diskussjonijiet kien hemm preżenti Joseph Muscat.

Huwa qal li ma kull ġurnata li tgħaddi, u t-tliet sptarijiet jibqgħu f'idejn il-barranin, il-familji u l-ħaddiema se jibqgħu jinsterqu. "Skandlu ta' €240 miljun, li setgħu ġew investiti f'ħafna setturi oħrajn fejn jibbenefikaw in-nies u li kieku dawn il-miljuni li l-Gvern ta lill-barranin tqassmu lill-familji Maltin u Ghawdxin, kull familja kienet tirċievi ċekk ta' €2,400 jew €400 kull sena."

Adrian Delia qal li l-pozizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-qasam tas-saħħa f'pajjiżna hija waħda ċara, li l-isptarijiet għandhom ikunu f'idejn il-Maltin u mhux f'idejn kumpaniji barranin filwaqt li s-servizz tas-saħħa għandu jkun wieħed modern mingħajr ħlas għal kulħadd. Dan filwaqt li l-operaturi privati jkollhom u jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jipprovdu servizzi tas-saħħa, kif seħħ b'suċċess taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. L-Oppożizzjoni trid li dan il-kuntratt skandaluż jintemm immedjatament u minnufih jieqaf is-serq tal-flus tan-nies. 

Il-Kap tal-PN qal li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-proposti tekniċi li taw ir-rappreżentanti tiegħu fil-Kumitat Tekniku li qed jistħarreġ mekkaniżmu Kostituzzjonali li jwassal għal aktar ugwaljanza bejn nisa u l-irġiel fil-Parlament.   

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li mil-lum bdew il-laqgħat mal-attivisti u membri tal-Partit Nazzjonalista parti mill-proċess ta' riforma li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista inkariga lil Louis Galea biex iwettaq. Huwa qal li minn dan il-proċess, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ aktar b'saħħtu, aktar viċin il-ħtiġijiet tan-nies u attrezzat bl-aħjar mod biex iwettaq ħidmietu fis-soċjetà. Dan biex kull settur tas-soċjetà thoss li l-PN jirrappreżentahom bl-aħjar mod.

 

More in Politika