Jew bl-ilma jew xejn! L-MUT b'direttivi wara li partijiet mill-MCAST jispiċċaw bla ilma

L-MUT tgħid illi hija inaċċettabli li hemm problema ta' servizzi bażiċi fl-MCAST

Partijiet mill-MCAST bla ilma
Partijiet mill-MCAST bla ilma

L-MUT tat direttiva lill-gradi tagħha kollha fl-Institute of Community Services (ICS) u fl-Institute of Business Management and Commerce (IBMC) biex jitwaqqfu l-lezzjonijiet kollha mill-11.30am illum minħabba li m'hemmx provvista ta' ilma f'dawn l-Institutes.

Id-direttiva għandha tibqa' effettiva sakemm is-servizz tal-ilma jerġa' jiġi pprovdut.

Din id-direttiva tapplika wkoll f'institutes oħra tal-MCAST li għandhom l-istess sitwazzjoni.

"Hija inaċċettabbli li f'sitwazzjoni li l-pajjiż jinsab fiha bħalissa fl-MCAST hemm saħansitra problema b'servizzi bażiċi ta' provvista ta' ilma. L-MUT tistenna li s-sitwazzjoni tiġi solvuta immedjatament," temmet tgħid l-istqarrija.

'Il-problema ġiet solvuta'

Intant fi stqarrija l-MCAST qal li dan kien minħabba xogħol ħażin fit-toroq li sar fil-viċinanzi.  L-MCAST ma kinitx taf b'dan ix-xogħol li b'riżultat tiegħu kienu qed jimtlew ir-riżervi tal-ilma.

Malli l-MCAST indunat b'din il-problema mill-ewwel għamlet kuntatt mal-Korproazzjoni tal-Ilma (WSC) biex il-problema tkun indirizzata.

Fl-istqarrija l-MCAST qalet illi sas-12:45 p.m is-sitwazzjoni kienet diġa' ġiet għan-normal.

More in Politika