'Malta qed tibgħat familji għall-qatla' - Is-Soċjetà Ċivili titlob inkjesta pubblika wara x-xhieda ta' Gafà

Neville Gafà qal li bis-saħħa tal-ħidma tiegħu fil-Libja mijiet ta' immigranti ma tħallewx jaqsmu mil-Libja għall-Mediterran

In-Network tas-Soċjetà Ċivili qed titlob lill-Prim Ministru Robert Abela biex jordna inkjesta pubblika u indipendenti dwar dak li qed issejjaħlu “ftehim donnu illegali” li allegatament intlaħaq bejn il-Gvern Malti u l-gwardja tal-kosta Libjana u li fi kliemha, setgħet wasslet għal eluf kbar ta’ ħajjiet mitlufa.

Dan wara dak li xehed l-eks uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà waqt l-inkjesta pubblika dwra il-qtil ta’ Daphna Caruana Galizia. Gafà, filwaqt li kkonferma li għandu passaport diplomatiku, qal li bis-saħħa tal-ħidma tiegħu fil-Libja, wassal biex eluf ta’ immigranti ma jitilqux mil-Libja u allura ma jaslux Malta.

“L-istat tad-drittijiet umani fil-Mediterran huwa fil-periklu hekk kif ħarġet xhieda minn Neville Gafà li tissuġġerixxi patt illegali li seta’ rriżulta fi ksur serju tal-liġi internazzjonali għar-refuġjati. Malta qiegħda tibgħat għexieren ta’ familji għall-qatla,” saħqet is-Soċjetà Ċivili.

Fi stqarrija, hija fakkret li l-Konvenzjoni Geneva tipprojbixxi dik magħrufa bħala refoulement, jiġifieri meta refuġjat jintbagħat lura f’pajjiż mhux sigur illi fih hemm ċans kbir jiffaċċja t-tortura u anke l-mewt.

“Il-Libja huwa pajjiż illi kemm-il darba ġie deskritt bħala pajjiż illi jaqa’ f’din il-kategorija, saħansitra minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali,” kompliet tgħid l-istqarrija.

Saħqet li x-xhieda ta’ Gafà tagħti x’jifhem li “l-Gvern Malti kien qiegħed jonqos mill-obbligi tiegħu jsalva lil min kellu bżonn għajnuna fl-ibħra u minflok jikkundanna nies innoċenti għal pajjiż nieqes minn garanziji bażiċi għal min jgħammar fih. Illum nafu illi fil-Libja hemm bosta każijiet ta’ jasar, tortura u kundizzjonijiet tal-waħx fil-kampijiet.”

Kompliet tgħid li dan kollu sar bil-barka tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u għalhekk li talbet  investigazzjoni pubblika u indipendenti sabiex jiġi stabbilit eżattament l-irwoli tal-Gvern u ta’ Gafà, kif ukoll jekk Malta kisritx l-obbligi internazzjonali permezz tal-azzjonijiet ta’ Gafà.

In-Network tas-Soċjetà Ċivili bagħat din l-istqarrija lil organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu f’dan il-qasam.

More in Politika