Il-PN għandu aktar minn €12-il miljun f'dejn mal-Gvern ... f'bolol, taxxi, kontijiet u VAT

Il-banek bi pressjoni enormi fuq Clyde Puli u madwar €10 miljuni mhux imħallsa f'taxxa u bolla

Il-kap tal-PN għandu problema kbira fuq idejh: Il-finanzi
Il-kap tal-PN għandu problema kbira fuq idejh: Il-finanzi

Din il-gazzetta tinsab infurmata illi mal-Gvern biss il-Partit Nazzjonalista għandu miljuni kbar f'dejn. Fil-fatt l-ILLUM hija infurmata illi dan d-dejn huwa ta' aktar minn €12-il miljun fi djun ma' entitajiet tal-Gvern.

L-akbar porzjon minn dan id-dejn huwa ta' madwar €10 miljuni f'taxxa tad-dħul u bolla tal-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista li għadhom ma tħallsux. Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew illi dan l-akkumulu ta' bolol u taxxa mhux imħallsa sar l-aktar fiż-żmien meta l-PN kien għadu fil-Gvern u kompla jiżdied fl-aħħar snin.

Għalkemm il-ħaddiema tal-PN huma ssalvagwardjati bil-liġi u allura daqslikieku tħallsu, il-PN xorta jrid jagħti dawn il-flus kollha lill-Gvern.
Madwar €1.5 miljun oħra huma dejn tal-Partit Nazzjonalista mal-ARMS u allura f'kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Finalment is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew illi l-PN għandu madwar €1 miljun oħra xi jħallas f'VAT.

B'kollox allura l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti lil entitajiet tal-Gvern bejn €12 u €14-il miljun. Wieħed mis-sorsi li tkellem magħna qal illi dan id-dejn waħdu jista' jkun li huwa viċin jew saħansitra jiżboq bi ftit l-assi tal-partit.

Dawn il-fatti qed niżvelawhom wara li l-gazzetta oħt Malta Today żvelat kif il-PN għandu €34 miljun f'dejn. Il-Partit Nazzjonalista ċaħad li d-dejn tela' għal daqshekk għalkemm fl-ebda mument ma qal kemm kemm fil-fatt hu.

Id-dejn ta' madwar €34 miljun 'maqsum fi tlieta'

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM ikkonfermaw li d-dejn jitla' għal €34 miljun u spjegaw illi dan id-dejn huwa maqsum fi tliet entitajiet.
Il-Partit Nazzjonalista, il-Media Link u l-Patria Trust.

"L-akbar dejn ġej mill-midja tal-partit," jikkonfermaw is-sorsi li jispjegaw kif NET qed jagħmel aktar minn €1 miljun telf fis-sena. Min-naħa l-oħra, il-Patria Trust huwa fond illi fih intefgħu każini li nbiegħu, b'wieħed minn tal-aħħar ikun dak ta' Birżebbuġa. B'kollox hemm mat-12-il proprjetà.

Pressjoni kbira fuq Puli (u issa Zammit Dimech) mill-banek

Interessanti wieħed jinnota illi minħabba li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kumpanija, huwa s-Segretarju Ġenerali li jidħol responsabbli personalment għad-dejn tal-partit.

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata illi l-banek lokali, kemm il-BOV u anke l-HSBC, qed jagħmlu pressjoni kbira fuq il-partit u allura fuq is-Segretarju Ġenerali biex isiru l-ħlasijiet.

Din il-gazzetta hija infurmata minn sorsi infurmati sew, li fil-fatt kienet din waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn irriżenja Puli.
"Kien qiegħed taħt pressjoni enormi mill-banek biex il-partit iħallas u minflok koperazzjoni sab tfixkil," saħaq dan is-sors.
‘Is-sitwazzjoni tal-biża'’

Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew illi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN hija ‘tal-biża'’.

"Minkejja li kulħadd jaf illi s-sitwazzjoni hija ħażina, ftit jafu dawn iċ-ċifri xokkanti," sostna wieħed mis-sorsi ta' din il-gazzetta.
"Id-donazzjonijiet huma qatra żgħira ħdejn dan it-telf kollu.  Biżżejjed biex nibew inħallsu l-imgħax. Jekk mhux se jittieħdu deċiżjonijiet drastiċi l-partit se jitkisser," temm jgħid dan is-sors mal-ILLUM.

More in Politika