'Ridt nagħti vuċi lil dawk li attakkat u rredikolat Daphne Caruana Galizia' - Bedingfield

Bedingfield jiftaħ il-kanuni kontra l-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia waqt ix-xhieda tiegħu quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tagħha

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qed jixhed quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Fil-bidu tas-smigħ, il-bord iċċara li għall-kuntarju tax-xhieda l-oħra, Bedingfield talab hu stess li jixhed. Id-Deputat spjega li għamel dan biex ixejjen l-impressjoni mogħtija minn xhieda oħra, inkluż Peter Caruana Galizia.

Skontu, Caruana Galizia ta l-impressjoni li hu poġġa bilqiegħda mal-bqija biex jippjanaw il-qtil.

"Fir-realtà, Daphne Caruana Galizia kitbet u attakkat u waqqgħet għaċ-ċajt lin-nies. Kellha d-dritt għall-libertà tal-espressjoni iżda kull meta xi ħadd wieġeb għall-kitba tagħha, tittieħed bħala abbuż tal-libertà tal-espressjoni," saħaq id-Deputat.

Huwa ċaħad li fetaħ blogg jismu: 'Taste Your Own Medicine' li kien kritiku tax-xogħol ta' Caruana Galizia u saħaq li kellu biss blogg wieħed li jġib ismu.

Insista li dak kollu li qal fuqu Peter Caruana Galizia huwa "gidba."

Fl-aħħar seduti, Matthew Caruana Galizia, iben Daphne, ippreżenta lill-bord tal-inkjesta rapport dettaljat dwar il-blogg ta' Bedingfield, dwar iż-żmien li fih kien l-aktar attiv u anke l-kontenut.

Pass pass ix-xhieda tad-Deputat

'Ma kont impjegat biex nattakka lil Daphne'

Bedingfield semma każ, li jmur lura għall-1999, meta fl-età ta' 22 sena, kien ittella' l-Qorti mill-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami u "ironikament Daphne Caruana Galizia kienet żammet ma' Fenech Adami."

Fi kliemu, meta beda jikteb, Caruana Galizia "żiedet id-doża tagħha biex tattakkah"

Ċaħad li hu qatt kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jattakka lil Caruana Galizia.

Ikkonferma li fetaħ il-blogg fl-2016, sena wara li daħal jaħdem f'Kastilja. "Kienet tattakkani l-ħin kollu. Nista' nuri lista sħiħa ta' 558 persuna li Daphne Caruana Galizia attakkat fil-kitbiet tagħha," saħaq Bedingfield.

"Minħabba l-kitba tagħha, l-attakki fuq persuni pubbliċi, individwi u anke t-tfal tagħhom, kien hemm min weġġa', familji li tkissru u persuna saħansitra saret suwiċidali," saħaq Bedingfield.

Insista li darba minnhom, it-tifla tiegħu spiċċat fuq blogg, għas-sempliċi raġuni li marret biex tixtri sandwich minn fuq il-katamaran. 

'Ridt nagħti vuċi lil dawk attakkati minn Caruana Galizia'

Bedingfield ċaħad dak li qal dwaru Peter Caruana Galizia u insista li mhux veru li kien qiegħed iġib l-informazzjoni mill-Pulizija.

"Il-blogg tiegħi kien politiku. Ridt nagħti vuċi lil dawk kollu li kienu attakkati jew inkella rredikolati minn Caruana Galizia," saħaq id-Deputat, waqt li ċaħad li bil-kitbiet tiegħu ħoloq klima li waslet għall-qtil tagħha.

Għaliex waqqaf il-blogg?

Bdew il-mistoqsijiet, bl-Imħallef Joseph Said Pullicino jagħmel l-ewwel waħda u jistaqsih għaliex għalaq il-blogg

Fi kliemu, meta daħal fil-Parlament, żdied ħafna x-xogħol tiegħu u ma setax ilaħħaq.

"Allura din kienet ir-raġuni? Mhux xi ħadd qallek biex twaqqfu?", kompla jistaqsih.

"Le kienet deċiżjoni personali," insista d-Deputat.

Il-Grupp Parlamentari tal-PL qatt ma ddiskuta l-qtil ta' Daphne jew il-Panama Papers

Il-bord ikompli jistaqsih dwar il-jiem wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, b'Said Pullicino jistaqsih kif ħassu meta sar jaf bil-qtil. "Sens ta' dieqa," saħaq Bedingfield.

Kompla jistaqsih kif kienet l-atmosfera f'Kastilja, b'Bedingfield jisħaq li dak iż-żmien ma kienx għadu jaħdem hemm iżda qal li l-Prim Ministru kellu dieqa kbira.

Spjega li kien fi triqtu lejn il-Parlament meta seħħ il-qtil. Mistoqsi jekk tkellimx dwar dan fil-Parlament jew inkella fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat wieġeb fin-negattiv.

"Ma kellna l-ebda diskussjoni iżda kollha konnha xxokkjati," insista.

"Jiġifieri ma ddiskutejtu xejn? Tat-tħassib jekk ma kienx hemm diskussjonijiet," ikompli jgħidlu u jistaqsih il-bord.

Huwa qal li seta' kien hemm diskussjonijiet fil-Kabinett iżda hu ma kienx parti minnu.

Iżda jidher li lanqas il-Grupp Parlamentari ma ddiskuta l-qtil. Qal li lanqas dwar il-Panama Papers ma kien hemm diskussjonijiet. 

'X'relazzjoni kellek ma' Keith Schembri?'

Il-bord jistaqsih x'relazzjoni kellu mal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

"Sempliċiment fuq xogħol," saħaq Bedingfield.

Mistoqsi kienx jaħdem fit-tieni sular ta' Kastilja, Bedingfield daħaq. "Dort is-sulari kollha," qal lill-bord.

Kif ġew mistoqsija x-xhieda kollha li jaħdmu f'Kastilja, il-bord staqsih jekk qattx ra lil Yorgen Fenech f'Kastilja. Huwa wieġeb fin-negattiv.

Bedingfield jiċħad li pprova jitfa' l-ħtija tal-qtil fuq il-familja Caruana Galizia

L-Imħallef Michael Mallia staqsih dwar blogg partikolari li jallegga jew jimplika li l-familja Caruana Galizia setgħet kienet responsabbli mill-mewt tal-ġurnalista.

"Ma naħsibx. Ma nemminx li l-familja se tagħmel hekk," wieġeb.

"Attent. Dawn il-posts huma pubbliċi," saħaq l-Imħallef Mallia huwa u jaqra mill-blogg.

Mistoqsi dwar ix-xniegħa li l-qtil kellu x'jaqsam mat-traffikar tal-fjuwil, Bedingfield qal li ma seta' jkun jaf xejn dwarha u qara fuqha minn xi gazzetta.

'Seta' kien Keith Schembri li għadda din l-informazzjoni?" staqsa l-bord. "Ma nafx," wieġeb.

Glenn Bedingfield flimkien ma' Luke Dalli
Glenn Bedingfield flimkien ma' Luke Dalli

Daphne bħala saħħara? 'Hemm il-libertà tal-espressjoni,' jgħid Bedingfield

Il-bord għadda biex jistaqsih dwar il-programm 'Tagħna t-Tnejn' li kien jippreżenta ma' Luke Dalli fejn ġieli saru sketches sarkastiċi fejn Daphne Caruana Galizia kienet impinġija bħala saħħara.

L-Imħallef Lofaro ma tantx daret mal-lewża u qaltlu li dan qatt ma jista' jkun meqjus sewwa. 

'Dak iż-żmien kont taħdem Kastilja. X'għandek xi tgħid? Ma tarax xi ħaġa ħażina hawn?", staqsietu.

"Hemm il-libertà tal-espressjoni," insista. Mistoqsi minn ħareġ bl-idea, Bedingfield qal li kienu hu u Luke Dalli.

Il-Prim Ministru ġieli talbu jimmodera l-kitba?

Il-bord staqsih jekk il-Prim Ministru qattx ġibidlu l-attenzjoni biex jimmodera t-ton tiegħu.

Qal li kien hemm okkażjoni waħda biss fejn Joseph Muscat talbu jimmodera t-ton.

Madanakollu żied jgħid li dik id-darba li l-Prim Ministru ġibidlu l-attenzjoni ma kienx każ dwar Daphne Caruana Galizia.

1,000 posts dwar Daphne

L-Avukat Therese Comodini Cachia tiġbed l-attenzjoni ta' Bedingfield u tisħaq li f'597 blogg li kiteb, kien hemm il-kelma 'Daphne' fit-titlu. B'kollox kiteb 1,000 blogg dwar Daphne.

"Dawn ktibthom waqt li kont tkun Kastilja?", staqsietu l-Avukat.

"Hemm differenza bejn li tkun l-uffiċċju u taħdem. Aħna mhux impjegati normali tal-Gvern, is-sigħat tagħna ġieli jibqgħu għaddejin sa tard filgħaxija. Meta nkunu l-uffiċċju nistgħu niefqu, nieħdu break, niktbu xi ħaġa..." weġibha.

Comodini Cachia staqsietu jekk bħala person of trust qattx irrealizza li dawn il-bloggs seta' kellhom konsegwenzi koroh.

"Kollha konnha hemm. Jiena kont insultat u attakkat fit-toroq," weġibha.

'Ħoloq klima li wasslet għall-qtil tagħha'

Kien hawn li qam l-Avukat Andrew Borg Cardona li saħaq li l-kitba tad-Deputat kienet intiża biex toħloq klima li wasslet għall-qtil tagħha.

Veronique Dalli, li kienet qed takkumpanja lil Bedingfield oġġezzjonat għal stqarrija bħal din.

Mistoqsi dwar il-fatt li ġieli tella' ritratti tal-ġurnalista fil-ħajja tagħha ta' kuljum, huwa wieġeb: "Hi kienet tagħmel l-istess. X'interess kien hemm għax mort it-Teatru Manoel waħdi etċ?"

'Kont jien li ssuġġerejt li jsir mafkar li jfakkar lil Daphne'

Saru diversi mistoqsijiet lil Bedingfield, fosthom fuq il-mafkar spontanju quddiem il-Qorti u li kien jitnaddaf kważi kuljum filgħaxijiet.

Id-Deputat saħaq li personalment ma jdejqux.

"Ma jdejjaqnix. Qed ngħid dan taħt ġurament. Fil-fatt, kont jien li ssuġġerejt li jsir mafkar f'isimha," insista.

Ritratt ta' Daphne fil-karozza

L-Avukat Jason Azzopardi urih ritratt li ppubblika u li juri lil Daphne fil-karozza u bin-numru tal-pjanċa jidher.

"Għaliex għamilt hekk?," staqsih. 

"Kienet qed tieħu ritratti tan-nies. In-nies kienu qed jiddejqu," wieġeb.

More in Politika