Intervista | ‘Il-wirt ta’ Muscat se jibqa’ mċappas bil-qtil ta’ Daphne’

Attivist, tkellem f’diversi protesti, xellugi u l-gazzetta ILLUM intervistatu dwar il-Gvern ta’ Muscat u aktar...

L-attiviżmu huwa ingredjent importanti f’kull demokrazija, ingredjent li mingħajru ma jkunx hemm oppożizzjoni minn nies, li mhumiex imbuttati mill-intenzjonijiet partiġġjani, kontra l-Gvern.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Wayne Flask fir-residenza tiegħu mal-kafè ta’ filgħodu, biex nibdew il-jum niddiskutu kontroversji u suġġetti intensivi. 

‘Il-protesti jsiru f’kuntest u huwa dan il-kuntest li jivvalidahom’

Nibdew bl-aħħar protesta li saret il-Belt Valletta, protesta li għaliha attendiet folla ħafna iżgħar minn protesti preċedenti, speċjalment dawk ta’ Diċembru li mlew pjazez u toroq sħaħ. Tgħid dan sinjal tan-nies li qed jagħtu ċans lill-Prim Ministru ġdid jew inkella sinjal li huma kuntenti bl-ewwel passi tiegħu?

“Il-protesti jsiru f’kuntest u huwa dan il-kuntest li jivvalidahom. Aħna bħala Graffitti ma attendejniex l-aħħar protesta għax ħassejna li forsi ma kienx l-aħjar kuntest, imma attendejna f’oħrajn,” ifakkar Flask. 

Huwa jgħid illi meta pparteċipaw f’attivitajiet passati, kien hemm rabja, li tmur lil hinn mil-lingwaġġ politiku. “Meta wieħed iqis l-affarijiet li kienu qed joħorġu dak iż-żmien - li tibqa’ d-dar ma kinitx għażla,” jisħaq Flask. 

Dwar il-PM Robert Abela, Flask qal li dan qed jagħmel affarijiet li kellhom bżonn isiru, għalkemm jisħaq li iktar milli deċiżjonijiet tajbin hu jrid jara mentalità ġdida, pereżempju dik ekonomika u allura bidla f’dak li jiddeskrivi bħala “neo liberaliżmu estrem ta’ Joseph Muscat”. Jgħid illi din il-mentalità għamlet ħsara kbira lil ħafna nies.

‘Trickle down hija fantasija’

Il-filosofija li adotta Muscat kienet dik tal-effett trickle down, jiġifieri li jinħoloq l-investiment biex il-ġid jinżel ’l isfel għand il-ħaddiem. Jekk ma jaqbilx ma’ din is-sistema Flask kif qed jipproponi li titmexxa l-ekonomija ta’ pajjiżna?

“Trickle down hija fantasija. Hija l-politika li kien adotta Blair biex kien jgħid li qed jgħin lis-saffi ta’ isfel tal-poplu. Mur staqsihom illum x’jaħsbu dwar Blair,” jirrimarka Wayne Flask. “Muscat adotta din is-sistema li hija impossibbli taħdem fejn għandek il-korruzzjoni u l-ħela.”

Hu jgħid illi meta nisimgħu b’xi konsulenza kbira għal xi politiku jew xi ħadd li jiġi minnu, dan ikun qed jiekol minn dan il-ġid li suppost jinżel ’l isfel. 

“Narah argument skifuż ħafna għax ifisser li naġevola n-negozju u n-nies jieħdu l-frak. Din politika li aġevolat lill-kuntratturi - pereżempju ta’ proġetti kbar - li mbagħad jimpjegaw ħaddiema barranin b’pagi baxxi, f’kundizzjonijiet atroċi u jgħixu f’tined. Dan mhux trickle down, imma abbuż,” jisħaq Flask.

‘Jiena nħoss li Malta huwa pajjiż relattivament razzist’ 

Il-gazzetta tirrimarka kif ma kienx hawn furur u rabja għall-fatt li ħaddiema barranin tħallew f’kundizzjonijiet ħżiena. Forsi għax barranin? Forsi razziżmu?

“Jiena nħoss li Malta huwa pajjiż relattivament razzist. Imma apparti dan hemm id-diviżjoni. Pereżempju għandek skrivan mal-Gvern, dan żgur ma jaqlax il-belli liri imma jaf li dejjem hemm xi ħadd taħtu,” jgħid Flask li mbagħad jistaqsi x’interess ikollu dan il-ħaddiem li jipprova jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ min huwa agħar minnu. 

Ifakkar li hawn ħafna ħaddiema Maltin li jibżgħu jilmentaw dwar il-kundizzjonijiet tagħhom u li fil-fatt għandhom jingħataw titjib. 

“Jiena nsemmi lill-pulizija, għalliema u protezzjoni ċivili. Għalfejn ma nistgħux noffru ħajja aħjar? Darba pulizija kien qiegħed xogħol waqt li aħna qed nipprotestaw u staqsiena kemm konna se ndumu. Aħna għidnielu sakemm issir ir-riforma u hu wieġeb li kellu bżonn il-pulizija jagħmlu l-istess. Dawn huma servizzi essenzjali,” ifakkar Flask. 

Hu jgħid illi dan qed isir waqt li s-salarji ma żdidux, il-ħajja qed togħla, il-kwalità tal-ħajja qed tonqos u sirna qisu sit tal-kostruzzjoni permanenti.

‘Hawn abbuż sostnut, fil-kirjiet’

Induru fuq il-kirjiet. Kien hemm diversi appelli u kontroversji u l-Gvern għamel riforma. X’jaħseb dwarha Flask?

“Il-pass ta’ Galdes kien wieħed pożittiv. L-ironija trid li sabet lill-MDA u l-PN kontra. Il-capping fuq il-prezzijiet tal-kirjiet dejjem kienu meqjusin dagħwa,” jammetti qabel ifakkar li l-Ġermanja stess addottawha għal numru ta’ snin. “Hawnhekk imma hawn interessi ċari għax hawn abbuż sostnut,” jisħaq Flask.

X’tip ta’ abbuż? “Prezzijiet, kundizzjonijiet, proprjetà substandard li tinkera xorta, abbuż b’post li jraqqad erbgħa minn nies, ikun hemm 11 u aktar fih,” jgħid Flask. 

Imma hemm min iġib l-argument li l-proprjetà hija tiegħu, investa fiha u hemm min lest iħallas tajjeb għaliha. Allura lil dan għaliex għandu jwaqqfu l-Gvern?

“M’għandniex informazzjoni ta’ prezzijiet, m’għandniex informazzjoni dwar id-domanda għal dawk prezzijiet. Hawn fornitura ħafna ikbar mid-domanda. Vera żdiedet il-popolazzjoni, imma forsi b’xi 15,000 - l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet 50,000 permess għal post residenzjali.”

Flask jgħid li dan ifisser illi Malta għandha ammont kbir ta’ proprjetajiet vojta, bini tiela’, terz tal-gżira mibnija u prezzijiet qed jogħlew. “Din hija spekulazzjoni.”

Imma mhux tajjeb għadha għaddejja l-industrija? 

“Insomma qed inaqqas il-bejgħ u dan qed joħroġ minn awditjar li qed isir mill-MDA wkoll li qed juri tnaqqis, li m’hawnx domanda għal proprjetà ta’ lussu ...”

Jisħaq illi l-affarijiet messhom saru sew u kien hemm aktar protezzjoni għas-suq tar-rinovar.

“Is-sitwazzjoni mhux sostenibbli, lanqas għall-barranin tal-gaming. Hawn din l-idea li dawk kollha li jaħdmu fil-gaming huma miljunarji li mhux il-każ,” jgħid Flask.

Huwa jisħaq fuq il-bżonn ta’ infurzar.

‘Muscat adotta politika tal-ejja ħa mmorru, mexxi u staqsi wara’

Nitkellmu fil-qosor dwar il-mudell ekonomiku ta’ Muscat. Ma jaħsibx li l-poplu wera biċ-ċar li jrid l-istil ta’ Muscat? Ma jaħsibx li l-poplu wera li jippreferi sistema aktar laxka u ħanina, pereżempju fl-Awtorità tal-Ippjanar?

Wayne Flask qal li l-Partit Laburista sab sistema lesta biex saru l-affarijiet li saru, imbagħad hu fetaħ it-twieqi u l-ventelaturi kollha biex in-negozjanti jagħmlu li jridu.

“Lill-poplu qallu ħa nnaqqaslek il-burokrazija biex tkun tista’ tiftaħ tieqa mhux toqgħod tmur għand Kajfa u Pilatu. Imma din mhux għat-tieqa saret!”

Huwa qal li Muscat adotta politika ‘tal-ejja ħa mmorru, mexxi u staqsi wara’.

Imma l-poplu jħoss li sejjer tajjeb, tirrimarka l-gazzetta. “Kieku żdiedu l-pagi, kieku tjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kieku ma baqgħux imutu nies fuq il-post tax-xogħol, kieku kellna ekonomija ġusta, kieku kont naqbel miegħek.”

Hu qal iżda li l-interess ta’ Muscat ma kinitx l-ekonomija ġusta, “imma n-negozji l-kbar.”

“Bil-big business tiela’ u bil-big business niżel,” sostna Flask mal-ILLUM.

‘Il-qtil ta’ Caruana Galizia jibqa’ marka fuq pajjiżna għal dejjem’

Is-sena li għaddiet pajjiżna ffaċċja kriżi politika bla preċedent fl-aħħar snin. Ġie implikat u għadu qed jissemma diversi drabi Keith Schembri b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Meta ltaqa’ man-nies speċjalment dawk fil-Graffitti u nies oħrajn xellugin, x’kienet is-sensazzjoni tagħhom dwar dak li kien jiġri?

“Rabja u diżappunt. Jiena ġej minn familja Laburista u tibda tistaqsi, imma dawn minn fejn ġew? Fejn kienu meta ċerti ġurnali kienu qed ixejru l-istorja ta’ Alfred Sant bil-kanċer? Kieku Sant għadu Mexxej Laburista kien jiġri dak li ġara? Assolutament li le!’’

Huwa jkompli jgħid illi “dan il-ħmieġ mhux postu fil-partit.’’

“Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa marka li mhi se titħassar qatt minn fuq il-pajjiż.’’

20 sena mil-lum kif se jkun iġġudikat il-Gvern ta’ Joseph Muscat?

“Biex nikkwota lil Fidel Castro: history will not absolve him. Muscat għamel żewġ rebħiet kbr għall-PL, għamel xi titjib fid-drittijiet ċivili f’setturi imma dak kollox. Lin-nies fit-triq ma narax li għmlilhom aktar,” sostna Flask. 

Huwa qal illi kollox ma’ kollox “l-istorja se ċċappsu bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

F’dan il-punt ifakkar illi lil Keith Schembri żammu f’postu u allura s-suspett ta’ ħafna li Muscat kien imdaħħal fil-ħmieġ huwa leġittimu.’’

Il-PN u l-bżonn ta’ riforma ...

F’referenza għal Keith Schembri u oħrajn implikati qal li posthom fil-ħabs mhux fil-politika.”

Intemmu l-intervista billi jgħid illi l-PN għandu ħafna xogħol x’jagħmel u bidliet xi jwettaq. Hu wera t-tama li l-partit ma jerġax jiġi taħt il-kontroll tal-istess nies ta’ qabel.

More in Politika