Musical, dokumentarju u tiġdid tal-istrutturi u l-istatut se jiċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif tal-PL

Il-Partit Laburista ħabbar sensiela ta’ attivitajiet biex ikun imfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu

Il-Partit Laburista ħabbar sensiela ta’ attivitajiet biex ikun imfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu filwaqt li se jkompli jġedded il-politika tiegħu, l-operat, l-istrutturi u anke l-istatut.

Dan qaluh il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista u s-Segretarju Organizzattiv, William Lewis f’konferenza tal-aħbarijiet.

Fil-fatt, huma ħabbru li l-Konferenza Ġenerali Straordinarja ta’ nhar il-Ħadd se sservi bħala l-punt ta’ tluq għall-proċess ta’ diskussjoni fuq kull livell.

 “Dan huwa Partit li jfittex u jaħdem għall-bidla. Qatt ma beża’ jbiddel... u se jibqa’ jaħdem biex jagħti spazju u vuċi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha. Huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin,” saħaq Debattista.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Organizzattiv, William Lewis semma sensiela ta’ attivitajiet maħsuba biex ifakkru dan l-anniversarju daqstant importanti. 

“Il-Partit Laburista ħa jkun qed itella musical dwar il-ħajja ta’ familja li għexet kemm iż-żminijiet diffiċli kif ukoll gawdiet mill-kisbiet li nkisbu bis-saħħa tal-Partit Laburista... Se jkun qed jintwera wkoll dokumentarju fejn se niltaqgħu ma’ persuni li kellhom irwol fundamentali fl-istorja tal-Partit filwaqt li se jkun hemm numru ta’ inizjattivi oħra fuq skala iżgħar,” saħal Lewis

 “Il-100 anniversarju tal-Partit Laburista huwa opportunita’ ta’ tiġdid għall-Partit Laburista. L-istorja tgħallimna li jekk ma tiġġeddidx, ma tibqax relevanti. L-għażla li qed nagħmlu bħala Partit hija li nantiċipaw dan,” temm jgħid il-Daniel Micallef

More in Politika