Akkużat li għen biex jinħeba l-ġisem ta' Mangion Walker; Jerġa' l-Qorti akkużat bi vjolenza domestika

L-akkużat tressaq il-Qorti ħames darbiet fuq ħames każi separati u dejjem ingħata l-ħelsien mill-arrest ħlief din id-darba

Raġel akkużat li għen biex jinħeba l-ġisem bla ħajja ta’ Eleanor Mangion Walker fl-2016 inżamm arrestat wara li reġa’ spiċċa l-Qorti akkużat bi vjolenza domestika.

Ir-raġel kien ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda reġa’ spiċċa fl-iżbarra llum akkużat li refa’ idejh fuq is-sieħba tiegħu, li kien qed iżomm arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kiser xejn inqas minn ħames deċiżjonijiet dwar ħelsien mill-arrest.

Huwa ġie arrestat nhar it-Tnejn 10 ta’ Frar f’San Pawl il-Baħar u quddiem il-Qorti wieġeb mhux ħati.

L-Ispettur Godwin Scerri appella lill-Qorti biex ma tagħtihx il-ħelsien mill-arrest hemm għax ir-reat huwa wieħed serji u anke għax il-vittma għad trid tixhed.

Apparti minn hekk ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest ħames darbiet.

Madanakollu, l-Avukat tad-Difiża insista li anke jekk ir-raġel ġieli ngħata l-ħelsien mill-arrest għax tressaq il-Qorti ħames darbiet oħra, sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni kontrih.

Insista li r-raġel jista’ jispiċċa jitlef madwar €80,000 f’garanziji li ħallas għall-ħelsien mill-arrest.

Saħaq li l-prosekuzzjoni mhux issemmi l-biża’ li l-akkużat ibagħbas l-evidenza. “Filwaqt li sabu ċertu evidenza, din tista’ tkun imbagħbsa mill-vittma li rrapportat il-każ. Huwa qal li qatt ma kellu pistola u l-pistola nstabet fil-kamra tas-sodda tal-mara,” saħaq l-Avukat.

Scerri reġa’ wieġeb u saħaq li l-każi ta’ vjolenza domestika huma serji ħafna u tenna li hu jgħix mal-vittma. “Se toħroġ hi?”, staqsa l-Ispettur.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest fosthom għax saħqet li l-akkużi huma serji u għax ma tistax tafda lill-akkużat.

More in Politika