Miċħud l-appell kontra s-Central Link; Il-Qorti tisħaq li x-xogħlijiet ma kellhomx jibdew qabel

Il-proġett kontroversjali se jkun qed isir bejn l-Imrieħel u s-Saqqajja, bil-Gvern jisħaq li l-proġett se jkun qed inaqqas drastikament it-traffiku fl-inħawi

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

Il-Qorti ma aċċettatx l-appell kontra l-proġett Central Link iżda esprimiet id-diżappunt tagħha li x-xogħlijiet bdew qabel mal-Qorti ħadet deċiżjoni.

L-appell kien tressaq min-numru ta’ NGOs u residenti jilmentaw li ċertu dokumenti qatt ma ġew mgħoddija lill-pubbliku u li anke kien hemm “kunflitt ta’ interess serju” fir-rigward ta’ persuni responsabbli mill-Istudju dwar l-Impatt Abjentali.

Il-proġett kontroversjali se jkun qed isir bejn l-Imrieħel u s-Saqqajja, bil-Gvern jisħaq li l-proġett se jkun qed inaqqas drastikament it-traffiku fl-inħawi.

Il-pjanijiet juru li se jkunu qed jinqalgħu 439 siġra, fosthom 67 siġra protetta. Minn dawn, 185 siġra se jkunu rrilokati fit-triq il-ġdid filwaqt li 539 siġra se jkunu miżrugħa bħala parti mill-proġett.

L-istess proġett se jkun qed jieħu art agrikola.

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

'Konferma kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta kellhom raġun'

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, saħaq li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell uriet kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta kellhom raġun.

Huwa saħaq li dan il-proġett, li d-diskussjoni dwaru bdiet fl-1960, fi żmien Gorg Borg Olivier, issa jista’ jseħħ.

Borg kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet wara d-deċiżjoni tal-Qorti, bil-Ministru jikkwota sondaġġi, inkluż dak ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM, liema sondaġġi juru li l-poplu jaqbel ma’ dan il-proġett.

'Il-ħames konferma li l-proġett jista' jsir' - Frederick Azzopardi

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi ġġustifika d-deċiżjoni li x-xogħlijiet jibdew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti, anke jekk dan kien ikkritikat mill-Qorti fid-deċiżjoni tagħha.

Azzopardi saħaq li l-awtoritajiet ħassewhom komdi jibdew l-proġett għax dan kien approvat minn diversi entitajiet qabel. Insista li dik tal-Qorti tal-Appell hija l-ħames konferna li l-proġett jista’ jseħħ.

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

18-il NGO jistudjaw it-triq 'il quddiem

Intant grupp ta’ 18-il organizzazzjoni wrew id-diżappunt tagħhom għad-deċiżjoni tal-Qorti u fi stqarrija konġunta saħqu li se jkunu qed jistudjaw it-triq ‘il quddiem.

Fi kliemhom, id-deċiżjoni hija waħda negattiva kemm għall-ambjent Malti u għall-poplu kollu kemm hu.

Dawn kienu l-entitajiet li ffirmaw l-ittra: Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, Attard Residents Environment Network, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Għaqda Bdiewa Attivi, Għaqda Sigar Maltin, Greenhouse, Isles of the Left, Malta Youth in Agriculture Foundation, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association, The Archeological Society of Malta u The Mindful Warriors.

More in Politika