Francis Zammit Dimech jinħatar Segretarju Ġenerali interim tal-PN sakemm issir ir-riforma

Fi stqarrija l-PN qal li l-proċess ta' riforma tal-istatut tal-partit se jkun qed jgħaddi għall-istadju finali tiegħu

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota favur il-ħatra ta' Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Ġenerali interim sakemm issir ir-riforma interna li qiegħed imexxi l-eks Ministru Louis Galea.

Francis Zammit Dimech se jkun qed jieħu post Clyde Puli li rriżenja fl-aħħar jiem wara l-kriżi interna li s-survey tal-MaltaToday ħoloq fil-Partit Nazzjonalista meta wera ċar u tond li Adrian Delia, minkejja dak kollu li għadda minnu l-pajjiż, baqa' ma ggwadanja xejn, bil-Prim Ministru Robert Abela jiġri bih fejn tidħol il-fiduċja.

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li fuq direzzjoni ta' Adrian Delia l-proċess ta' riforma tal-istatut tal-partit se jkun qed jgħaddi għall-istadju finali tiegħu.

Il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv saret ilbieraħ filgħaxija u damet sa tard bil-lejl fejn inġabru xi persuni li jissapportjaw lil Delia mhux biss biex jagħtu l-appoġġ lilu iżda anke nfexxew jgħajru lid-Deputat Jason Azzopardi.

Delia ħareġ mid-Dar Ċentrali għall-ħabta tan-12:30am u qal li l-Partit Nazzjonalista kellu "diskussjoni tajba" hekk kif issa jrid jaħtar ukoll is-suċċessuri ta' Robert Arrigo li rriżenja minn Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u ta' Kristy Debono li rriżenjat minn President tal-Kunsill Ġenerali, fost karigi oħra.

Ta' min isemmi li xhur ilu l-gazzetta MaltaToday kienet żvelat li Francis Zammit Dimech qed ikun imbuttat biex jikkontesta għall-kariga ta' Segretarju Ġenerali, aħbar li hu ma ċaħadx u lanqas ma' ċaħad li qed jikkunsidra.

Zammit Dimech kien dak li mexxa proċess ta' rikonċiljazzjoni fil-Partit Nazzjonalista wara l-qasma li ġab ir-rapport tal-inkjesta Egrant fil-Partit Nazzjonalista, partikolarment meta Adrian Delia kien talab lil Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu.

Sorsi li tkellmu ma' MaltaToday saħqu li Delia insista li Puli jinżamm segretarju ġenerali interim kif kien ippropona Louis Galea. Ta' min ifakkar li l-kariga ta' Puli u l-karigi oħra importanti fil-PN skadew f'Novembru li għadda, iżda il-Kumitat Eżekuttiv kien iddeċieda li l-elezzjonijiet ma jsirux dak iż-żmien biex titlesta r-riforma, bl-istess elezzjonijiet x'aktarx li jsiru fi tmiem Marzu li ġej.

L-istess sorsi saħqu wkoll li f'ħin minnhom, Robert Arrigo akkużat lid-Deputat Claudio Grech u anke lil Therese Comodini Cachia li ma għamlu xejn għall-Partit Nazzjonalista.

Apparti l-karigi msemmija hawn fuq, il-Partit Nazzjonalista jrid jaħtar President tal-Eżekuttiv ġdid (bħalissa Alex Perici Calascione), President tal-Kumitat Amministrattiv (bħalissa Carm Mifsud Bonnici), Teżorier (kariga li għaliha ma hemm ħadd), Segretarju Internazzjonali (u Roselyn Borg Knight).

Hu mifhum li lbieraħ Louis Galea ppropona li l-estensjoni ta' dawn il-karigi tintemm minnufih u jsiru elezzjonijiet nhar is-Sibt li ġej. Jidher li din it-talba ma ntlaqgħetx.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali jintagħżel mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li l-karigi l-oħra jintagħżlu mill-eżekuttiv.

More in Politika