Stephen Spiteri jisħaq li ma jridx ikun parti mill-fazzjoni li trid tqaċċat lil Delia

Dan wara li wiċċu deher f'ritratt ma' 17-il membru ieħor tal-Grupp Parlamentari li jridu lil Delia jirriżenja minnufih u li ġew imlaqqma 'l-Blue Heroes"

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri ċaħad li huwa parti mill-grupp ta’ Deputati Nazzjonalisti, deskritti bħala “Blue Heroes” li jridu jqaċċtu ‘l barra lil Adrian Delia.

Sa issa kien Spiteri biss li ċaħad li huwa parti minn din il-fazzjoni li ma tridx taf b’Adrian Delia.

F’kummenti ma’ The Malta Independent, Stephen Spiteri saħaq li huwa tkellem dwar it-tħassib tiegħu internament u x’aktarx li ġie interpretat ħażin li huwa kontra Adrian Delia.

“Minkejja li esprimejt it-tħassib tiegħi jiena ma rridx inkun parti mill-grupp li għamel kolp kontra l-Kap,” saħaq Spiteru. “Din mhijiex it-triq ‘il quddiem.”

Wiċċ Spiteri kien inkluż f’ritratt ta’ 17-il membru tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li huma kontra Adrian Delia u li xerred dalgħodu Jason Azzopardi.

Din kienet l-ewwel darba li l-ismijiet tad-Deputati kontra Delia ħarġu fil-beraħ għax il-ġimgħa li għaddiet minkejja li ħarġu stqarrija, ħadd minnhom ma ffirma b’ismu.

Minkejja l-oppożizzjoni li qed jiffaċja sa issa Adrian Delia ma wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja.

More in Politika