Peter Caruana Galizia jisħaq li l-familja qatt ma kellha xi tgerger kontra l-Ispettur Keith Arnaud

Ikompli l-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-allegat mandant tal-qtil, Yorgen Fenech, bil-għan li l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni

Peter Caruana Galizia, ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia saħaq li l-familja qatt ma kellha xejn xi tgħid kontra l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne.

Dan intqal hekk kif kompla jistema’ l-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-allegat mandant tal-qtil, Yorgen Fenech, bil-għan li l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni.

Caruana Galizia kien wieħed mix-xhieda tal-lum. Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tal-familja tiegħu ma’ Keith Arnaud, Caruana Galizia saħaq li l-persuna li kien infurmah formalment bil-mewt ta’ martu kien l-Ispettur Kurt Zahra, kollega ta’ Arnaud.

Huwa saħaq li l-familja dejjem kellha relazzjoni tajba kemm ma’ Arnaud u anke Zahra u t-tnejn li huma ġieli żaru d-dar tagħhom.

Mistoqsi mill-Avukat Caruana Curran, li qed jidher għall-Fenech, Caruana Galizia qal li qabel l-elezzjoni tal-2003, kien l-Ispettur Keith Arnaud li mar biex jarresta lil Daphne Caruana Galizia.

Apparti minn hekk, l-Imħallef Lawrence Mintoff dalgħodu sema’ kif għaddejja inkjesta maġisterjali u anke investigazzjoni separata mill-Pulizija dwar “l-impjieg fantażma” mal-Gvern li kien ingħata Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-bidu tas-smigħ, l-Imħallef kien infurmat li l-Assistent Kummissarju Ian Abdila ma setax jitla’ jixhed minħabba impenji oħra u minfloku bagħat lill-Ispettur Nicholas Vella.

Vella kkonferma li Melvin Theuma ngħata impjieg mal-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali, fid-dipartiment responsabbli mill-manutenzjoni tal-binjiet li jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali.

Dan ix-xogħol ingħatalu xhur qabel il-qtil ta’ Daphne u dan minkejja li Theuma qatt ma mar għalih;

Ikkonferma li f’dan l-istadju għaddejin inkjesta maġisterjali u investigazzjoni separata mill-Pulizija anke jekk ma jafx f’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet.

More in Politika