Sondaġġ: F'sitt xhur jiżdiedu bi 13% dawk li huma favur il-proġett Central Link

Wara dak ta' Awwissu, sondaġġ ieħor tal-ILLUM dwar il-proġett Central Link, jirreġistra żieda qawwija ta' nies favur tiegħu, imma wkoll żieda minima f'dawk kontra

Sondaġġ tal-ILLUM juri illi hekk kif il-protesti dwar il-proġett Central Link naqsu, żdied l-appoġġ għalih ġaladarba x-xogħol jinsab għaddej ġmielu.

Dan il-proġett, ta’ bini mill-ġdid tat-triq prinċipali bejn Ħ’Attard u r-Rabat, huwa kontroversjali prinċipalment minħabba t-teħid ta' art agrikola u qtugħ ta' siġar.

Is-sondaġġ xjentifiku juri kif meta mistoqsijin jekk jaqblux mal-proġett jew le, 65% wieġbu fil-pożittiv, 22% qalu li ma jaqblux, filwaqt li kważi 13% qalu illi ma jafux humiex favur jew kontra.

Ikkumparat mas-sondaġġ li kien sar f'Awwissu bl-istess mistoqsija, kien hemm żieda ta' 13.4% f'dawk li wieġbu illi huma favur: minn 51.6% għal 65%. Kien hemm żieda wkoll iżda f'dawk li qalu illi ma jaqblux mal-proġett, anke jekk f’persentaġġ iżgħar: minn 19.5% għal 22% jew żieda ta' 2.5%. Kien irreġistrat tnaqqis iżda f'dawk li qalu illi ma jafux jaqblux jew le: minn 28.8% għal 12.8% jew tnaqqis ta' 16%.

Dawk fil-viċinanzi u tat-Tramuntana, żgħażagħ u b'edukazzjoni terzjarja l-aktar kontra

Skont is-sondaġġ, l-aktar kontra dan il-proġett, huma dawk mill-Punent tal-pajjiż, li jinkludi l-lokalitajiet l-aktar qrib il-proġett. Hawnhekk, 40% wieġbu kontra għall-mistoqsija, l-ogħla persentaġġ ta' parteċipanti kontra minn kull żona, età jew livell ta' edukazzjoni.

Minkejja dan iżda, maġġoranza ta' 51% tal-parteċipanti mill-Punent tal-pajjiż xorta jaqblu mal-proġett.

Imma mhux biss. Anke fit-Tramuntana tal-pajjiż, hemm oppożizzjoni ikbar għall-proġett b'29.4% tal-parteċipanti jgħidu li huma kontra u maġġoranza ta' 51.3% jgħidu li huma favur.

F'termini ta' età, l-aktar li huma kontra huma ż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 35 sena. Fil-fatt, hawnhekk huma b'kollox 23% li qalu illi ma jaqblux mas-Central Link.  Anke hawnhekk iżda maġġoranza qawwija ta' 60.2% qalu illi jaqblu.

Nuqqas ta' qbil konsiderevoli kien fost dawk li għandhom livell ta' edukazzjoni terzjarja, b'26.4% jgħidu li huma kontra l-proġett tas-Central Link u 51.8% jwieġbu fil-pożittiv.

L-irġiel huma aktar kontra l-proġett b’24.7%.

Sas-sekondarja, mill-Kottonera, Għawdex u anzjani

Intant, f’kull grupp ta’ parteċipanti hemm maġġoranza favur il-proġett, l-aktar favur il-proġett huma dawk li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Port u allura l-Kottonera, Ħaż-Żabbar u l-madwar. Anke l-Għawdxin huma  favur il-proġett, avolja huma probabbilment l-inqas li se jagħmlu użu minnu.

75.2% ta' dawk fin-Nofsinhar tal-Port qalu li huma favur, filwaqt li huma 13.2% biss dawk kontra l-proġett.

F'Għawdex imbagħad maġġoranza kbira ħafna ta' 84.3% qalu illi jaqblu mal-proġett.

F'termini ta' età huma dawk ta' bejn il-51 u l-65 sena li huma favur b'69.1% u l-inqas kontra, b'20.7%.

F'termini ta' edukazzjoni mbagħad huma dawk li għandhom livell sekondarju li huma l-aktar favur il-proġett bi 72.4%.

B'66.6% favur u 19.6% kontra, in-nisa għandhom perspettiva aktar pożittiva tal-proġett.

More in Politika