Analiżi | Ħames raġunijiet għalfejn Adrian Delia m'għandux wisq għażla għajr jitlaq

It-tmiem ta' Delia issa jinsab fil-qrib, jekk mhux issa l-probabbilità hija li dan iseħħ f'elezzjoni ġenerali li bih fit-tmun, il-PN għandu ċans illi jitlef bil-kbir. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-ħames raġunijiet għalfejn ikun jaqbel għall-PN u għalih innifsu li Delia jirriżenja ...

Adrian Delia
Adrian Delia

Din il-ġimgħa bħal diversi ġimgħat matul l-2019 is-suġġett tad-diskussjoni kien il-Partit Nazzjonalista, speċifikment it-tmexxija ta' Adrian Delia.

Min jgħid li Delia għandu jibqa' u min jgħid li għandu jitlaq, hekk kif l-aħħar sondaġġ xjentifiku tal-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna, MediaToday, juri li Delia kien qed jikseb 13% biss tal-fiduċja bħala Kap, persentaġġ miżeru mqabbel ma' aktar minn 62% li kien qed igawdi Robert Abela.
Kieku saret elezzjoni meta sar is-sondaġġ, il-Partit Nazzjonalista kien jitlef bi 80,000 vot meta tikkunsidra dawk illi qalu li jafu kif se jivvutaw.
Fil-fatt, skont dan is-sondaġġ, 49.2% qalu li jivvutaw Labour kieku ssir elezzjoni issa, 23.8% qalu li jivvutaw PN u 17.2% ma jafux. Dan ifisser li hemm 25% differenza, ikbar mill-persentaġġ ta' dawk li qed jgħidu li ma jafux kif jivvutaw u li ġeneralment ikunu maqsumin bejn iż-żewġ partiti.

Fl-isfond ukoll ta' telfa madornali fl-2019 ta' 42,656 vot fl-2019, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ħames raġunijiet għaliex Delia ftit għandu raġuni għajr li jirriżenja.

In-numri konsistentament kontrih

Konsistentament, Delia wera li mhuwiex kap popolari. Nibdew bil-fatt elettorali tal-2019, maqsum f'żewġ elezzjonijiet u nkomplu billi nħarsu lejn ix-xejriet fis-sondaġġi tal-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna.

Fl-2019 Delia sofra telfa rekord ta' 42,656 vot f'elezzjoni li għalkemm kienet tal-Parlament Ewropew xorta poġġiet is-suba’ fuq il-ferita, hekk kif eluf ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti ma vvutawx.

Din kienet issottolineata ħafna aktar fl-elezzjonijiet lokali fejn il-PN saħansitra tilef lokalitajiet tradizzjonalment Nazzjonalisti bħall-Belt Valletta, is-Siġġiewi, l-Għarb u San Pawl il-Baħar. Reġa' tilef ukoll Birkirkara u l-Mosta, xi darba lokalitajiet b'maġġoranzi Nazzjonalisti kif ukoll l-Imsida u l-Mellieħa, anke jekk bi ftit. Delia tilef bil-qawwi lokalitajiet bħall-Pietà, xi darba b'maġġoranza Nazzjonalista, il-Qala u anke San Ġwann.

Din l-elezzjoni lokali rriduċiet lill-PN f’partit reġjonali li għandu kontrolli biss f'Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi kif ukoll f'xi partijiet f'Għawdex.

F'termini ta' sondaġġi, Delia baqa' konsistentament minn taħt fin-numri, fejn dejjem deher fdat ħafna inqas minn Muscat.
F'Novembru, ftit wara r-rewwixta f'Ħal Far u f'waħda mill-ftit drabi illi Delia ra żieda fin-numri, Muscat kien kiseb fiduċja ta' 50.5%, filwaqt li Delia kiseb biss 21%.

F'sondaġġ fl-eqqel tal-kriżi governattiva, minn dawk li wieġbu 43.1% qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista kieku saret elezzjoni dakinhar u 27.6% lill-PN, differenza ta' 25.5%.

Fl-eqqel tal-kontroversji u kriżi wkoll, Delia kien inqas popolari, kemm minn Robert Abela u anke minn Chris Fearne.
Jidher għalhekk li apparti maġġoranzi interni, sa issa l-poplu dejjem ipprefera lill-Partit Laburista u l-mexxejja jew kandidati tiegħu meta mqabblin ma' Delia.

Jekk jibqa’ ikbar tkun id-daqqa

Bl-affarijiet kif żvolġew issa, se jkun diffiċli mmens li Delia jibqa’ fil-kariga u ma jniżżilx il-partit miegħu.

Issa Delia għandu f'idejh riżenji mill-aktar nies qrib tiegħu, primarjament Robert Arrigo, Kristy Debono u fuq kollox irriżenja wkoll Clyde Puli.
Madanakollu, ħafna agħar minn hekk għandu ittra qawwija kontrih u ordni biex isiru laqgħat u jitneħħa t-tim ta' tmexxija kollu, minn Louis Galea, il-persuna li hu stess għażel biex issir riforma fil-partit.

Il-PN taħt it-tmexxija tiegħu issa huwa marid kronikament u l-ferita tal-firda ġo fih ma tistax tkun magħluqa bih fit-tmun.
Dan għaliex interessi li qed jaħdmu kontra xulxin, li qed ikunu pubbliċi dwar dan il-fatt u li ħolqu sens ta' paronoja u arja ta' suspett, ma jistgħux iħallu lill-partit jimxi ’l quddiem.

Dan is-sens ta' suspett imur lil hinn min-nies fid-Dar Ċentrali u jinżel ukoll fost l-għeruq tal-partit.

Il-ħsara għall-PN hija kbira

Il-ħsara li saret lill-immaġini tal-PN bħala partit mifrud u mifni bi ġlied intern kompliet tissaħħaħ bil-qawwi fl-aħħar ġranet.
L-istorja dejjem urietna li partit mifrud mhuwiex meqjus bħala serju u idoneu biex imexxi pajjiżna.

Fil-fatt il-PN, biex nużaw lingwaġġ metaforiku, jinsab fi gwerra ċivili, xi ħaġa li l-votanti floaters qed jinnutaw filwaqt li jżommu ’l bogħod minn dak illi jidher bħala kjass fl-Oppożizzjoni.

Dan kollu tellef il-kredibbilità tal-partit, xi ħaġa li se jkollu jaħdem ħafna fuqha kap ġdid jekk irid imqar jibda jnaqqas mid-distakk.     
Fil-ħniena ta' Robert Abela.  Skont l-aħħar sondaġġ elezzjoni issa tfisser telfa ta’ madwar 80,000 għall-PN.  Probabbilment, wara dan l-attentat biex jitneħħa Delia, dan id-distakk kiber xi ftit iktar.

Ejja nkunu ottimisti u ngħidu li d-distakk ta’ bħalissa jonqos bin-nofs. Dan xorta jħalli lil Delia b'40,000 vot minn taħt.  Abela, konxju ta' dan, għandu allura mhux biss saħħa fil-partit tiegħu, imma jaf illi kieku kellu jsejjaħ elezzjoni fix-xhur li ġejjin, mhux biss jingħata mandat qawwi, imma jagħti daqqa lill-PN li jaf tkun mortali għall-partit kif nafuh illum u tradizzjonalment.  Dan ifisser illi d-destin tal-PN fl-immedjat huwa f'idejn Abela tant hi kbira l-mewġa kontra Delia.

B'daqqa ta' pinna, il-PM kurrenti jista' jkisser l-Oppożizzjoni b'sejħa ta' elezzjoni li jikkampanja tajjeb għaliha.

Għalih innifsu
U fl-aħħar nett, Adrian Delia jkun jaqbillu għalih innifsu u għar-reputazzjoni tiegħu, jekk jirriżenja.

Il-probabbilità hija illi jekk jitpoġġew l-ewwel erba' xenarji flimkien u jekk ma jkunx hemm problemi serji fl-ekonomija, iċ-ċans huwa illi Delia jitlef b'marġini akbar milli tilef fl-2019 u fil-proċess mhux biss titkisser il-karriera politika tiegħu, imma jagħti raġun lil dawk kollha li llum qed jgħidu li għandu jitlaq.

Aktar minn hekk ikun qed ipoġġi lill-Partit Laburista iktar viċin li jikseb iż-żewġ terzi tal-Parlament u allura li jkollu kważi poter assolut.
Illum, Delia għadu fiċ-ċans illi jinnegozja ħruġ mill-partit jew inkella kariga periferali fih.

Jekk jibqa' Kap u jmexxi lill-PN għal telfa li taf tkissru ma jkun għad fadallu ebda poter li jinnegozja mqar posterità għalih innifsu.

More in Politika