Adrian Delia 'mkeċċi' mill-Każin Nazzjonalista tal-Mellieħa

Il-Kumitat reġjonali jitlob lil Delia biex ma jattendix attività għada fil-Każin tal-PN fil-Mellieħa - Iċċarat

Adrian Delia
Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fi żvilupp drammatiku ieħor fil-kriżi interna tal-PN, ġie prattikament imkeċċi mill-każin Nazzjonalista tal-Mellieħa.

Din it-talba ġiet mill-Kumitat Reġjonali tal-Mellieħa, b'xi membri tiegħu jgħidu illi jħossu li fis-sitwazzjoni ta' inkwiet fil-PN, ikun ħażin li l-Kap iġib ruħu qisu xejn mhu xejn.

Dan qed iseħħ hekk kif għada filgħodu Delia suppost se jitkellem fil-każin tal-PN tal-Mellieħa.

Sors qal lill-midja illi l-membri qablu unanimament ma' din id-deċiżjoni u qalu illi hekk kif  bħalissa "hemm diskussjoni dwar il-futur tal-partit, ma nħossux li dan huwa mument tajjeb li Delia jitla' fuq il-podju jikkritika lill-Gvern Laburista."

'Mhux keċċejnieh ... imma għidnili li aħjar jaqbiżha'

Intant f'kummenti ma' dan is-sit membru tal-Kumitat sostna illi mhux qed jingħad li Delia m'għandux imur il-każin, imma li Delia għandu jikkanċella l-attività li ser issir għada fil-Mellieħa u jikkunsidra iktar diskussjonijiet interni minflok.

"Mhux keċċejnieh ... imma għidnilu li li aħjar jaqbiżha biex id-diskussjoni ssir internament, dwar is-sitwazzjoni li fiha jinsab il-partit."

More in Politika