Aġġornata | Clyde Puli jirriżenja wkoll ... minn Segretarju Ġenerali tal-PN

It-tielet riżenja fil-PN mill-bieraħ ... Puli jirriżenja minn Segretarju Ġenerali

Clyde Puli (xellug) u ħdejh Ivan Bartolo
Clyde Puli (xellug) u ħdejh Ivan Bartolo

Ftit mumenti ilu seħħet it-tielet u l-aktar riżenja sinjifikanti fil-Partit Nazzjonalista hekk kif Clyde Puli rriżenja minn Segretarju Ġenerali.

F'ittra li bagħat lill-Kap tal-PN Adrian Delia, Puli qal li jrid jiffoka aktar fuq id-distrett.

Huwa sigriet magħruf illi Puli kien wieħed mill-aktar nies li jappoġġjaw u jaqbżu għal Delia, fil-fatt hu kien wieħed minn erba' Deputati li nhar il-Erbgħa filgħaxija waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, iddefendewh.

Ilbieraħ f'temp ta' siegħa rriżenja Robert Arrigo minn Viċi Kap tal-PN u Kristy Debono, minn President tal-Kunsill Ġenerali.  Ilbieraħ ukoll Louis Galea li tqabbad biex imexxi ir-riforma fil-PN, talab lill-Alex Perici Calascione jlaqqa' l-Kumitat Eżekuttiv biex dan jagħżel tim ta' tmexxija ġdid għall-partit.

Fl-ittra Puli qal illi kien unur li ħadem ma' Delia fi żmien fejn ftit politiċi kienu lesti li jagħtu sehem fil-partit. Puli iżda qal illi filwaqt li ma ppretendiex l-għajununa, "lanqas ippretendejt min, ma' kull pass li tagħmel 'il quddiem jagħtik gambetta u wara daqqa ta' sieq fl-għaksa biex ikun jista' jakkużak li ma tistax tiġri biżżejjed."

Il-PN qed jiffaċċja l-agħar kriżi politika interna tiegħu u probabbilment waħda mill-akbar ġlidiet interni f'partit.  Dan kollu seħħ wara li 17-il Deputat Nazzjonalista sostnew illi Delia għandu jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap.

More in Politika