Louis Galea jitlob laqgħa tal-Eżekuttiv biex jitneħħa Adrian Delia u t-tmexxija preżenti tal-PN

Louis Galea jikteb lill-Eżekuttiv tal-partit biex titneħħa t-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista

Louis Galea flimkien mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia
Louis Galea flimkien mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia

 Louis Galea, li qed imexxi riformi fil-Partit Nazzjonalista, qal illi se jitlob lil Alex Perici Calascione sabiex bħala President ilaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv bl-iskop li dan jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex fl-iqsar żmien possibbli jagħżel tim ġdid għat-tmexxija tal-partit.

"Fiċ-ċirkostanzi huwa biss tim ġdid li jista’ jassigura li l-partit jadotta dawk il-miżuri u proposti meħtieġa biex jirriforma u jiġġedded," saħaq l-eks Ministru.

F'ittra pjuttost iebsa lil Adrian Delia, Galea sostna li tul ix-xhur li għaddew, "regolarment, wiċċ imb’wiċċ, b’emails jew WhatsApp, wissejt sew lilek (Delia) kif ukoll lil Clyde Puli dwar l-urġenza assoluta li jittieħdu l-passi biex il-partit jibda ħiereġ mill-kriżi li jinsab fiha. Għidtilkom ukoll li ma’ kull ġurnata li tgħaddi kienu ser jinqalgħu ġrajjiet u kwestjonijiet li jirrendu sitwazjoni diffiċli aktar komplessa," sostna Galea.

Fl-ittra Galea jsostni illi fl-aħħar xaharejn ra ħafna "reżistenza, ambivalenza u tkaxkir tas-saqajn dwar proposti biex Grupp u Partit isibu saqajhom."  Hu jfakkar illi l-bidliet kellhom iseħħu sal-aħħar ta' Jannar.

Galea sostna illi kif mistenni l-aħħar sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, żied bil-kbir l-urġenza għal azzjoni deċiżiva.  Huwa qal illi l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-bieraħ u l-aħħar żviluppi jesiġu "azzjoni immedjata", temm jisħaq Louis Galea.

Aktar kmieni llum rriżenjaw kemm Kristy Debono u anke l-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo.

More in Politika